Il-Papa jħalli l-Korea b’messaġġ ta’ tama

Il-Papa Franġisku bħalissa jinsab fi triqtu lejn Ruma mill-Korea hekk kif temm il-pellegrinaġġ ta’ ħamest  ijiem fil-pajjiż Ażjatiku.
It-tielet vjaġġ appolostoliku tiegħu ntemm f’Seoul bl-aktar attività mistennija, dik tal-Quddiesa għall-paċi u għar-rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ Korei.
Iċ-ċelebrazzjoni saret fil-Katidral ta’ Myeong-dong u waqt l-omelija, Franġisku sfida lil Koreani biex jaħdmu u jitolbu għall-paċi, għax “il-Koreani huma membri ta’ familja waħda u d-djalogu jista’ jgħin biex jingħelbu d-differenzi”.
Għal dawn l-aħħar 60 sena, il-Korea ta’ Fuq u ta’ Isfel, huma maqsuma fi tnejn permezz ta’ medda ta’ art issorveljata minn suldati armati.
Is-Salib u t-tbatija kienu fiċ-ċentru tal-messaġġ tal-Papa.  Qal li “dak li f’għajnejn il-bniedem jidher impossibbli, Kristu jagħmilhom possibbli grazzi għall-qawwa infinita tas-Salib”.
Quddiem il-President Korean, Geun-hye Park, il-Papa sfida lil politiċi biex jirrifjutaw mentalità bbażata fuq is-suspett, il-kompetizzjoni u l-konfrontazzjoni.
Dan kien it-tielet pellegrinaġġ tal-Papa barra t-territorju Taljan.  L-ewwel pellegrinaġġ kien f’Rio de Janiero l-Brażil għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ waqt li t-tieni wieħed kien fl-Art Imqaddsa.
F’dawn il-ħamest ijiem, il-Papa żar ħames lokalitajiet, għamel 10 diskorsi u ltaqa’ ma’ mijiet ta’ żgħażagħ f’Daejon u Hemi.
Irringrazzja għal aktar minn darba lil-lajċi talli kienu huma libdew il-Knisja fil-Korea u appella lill-Knisja biex taħdem aktar fuq is-solidarjetà, l-inklużjoni u l-għajnuna lill-batut.
L-ajruplan tal-Papa mistenni jasal f’Ciampino għall-ħabta tas-sitta tal-lejla.