Il-Papa jitkellem favur liġi fuq l-unjoni ċivili f’dokumentarju ġdid

Read in English.

F’dokumentarju li ħareġ għall-ewwel darba llum f’Ruma, il-Papa Franġisku qed jiġi kkwotat f’diversi siti tal-aħbarijiet li appella biex jiddaħħlu liġijiet tal-unjoni ċivili għal koppji tal-istess sess.

Ir-rapporti qed jgħidu dak li ntqal fid-dokumentarju fil-parti fejn il-Papa jirrifletti fuq il-kura pastorali għal dawk li jidentifikaw ruħhom bħala LGBTIQ.

Il-Papa qal dan meta kien qed jitkellem dwar id-dinjità tal-persuna omosesswali u jgħid li huma wlied Alla u għandhom dritt għal familja. Dan filwaqt li jinsisti li “ħadd m’għandu jitkeċċa”.

Dan għalkemm, is-sit Vatican News li rrapporta dan id-dokumentarju ma għamel ebda osservazzjoni għal din l-aħbar.

Il-Papa Franġisku kien tkellem favur l-unjoni ċivili meta kien Kardinal iżda dan huwa l-ewwel kumment tax-xorta tiegħu minn meta sar Papa.

RomeReports qalu wkoll li fid-dokumentarju l-Papa speċifika li f’Buenos Aires kien oppona l-liġi li tippermetti żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Huwa kien appoġġa aktar protezzjoni legali tad-drittijiet tal-koppji tal-istess sess fi kwistjonijiet differenti, li jistgħu jinkludu wirt u aċċessibilità għall-kura medika.

This is the trailer for “Francesco,” a documentary featuring interviews with the pope, in which he addresses issues like…

Posted by ROME REPORTS on Wednesday, October 21, 2020

“Francesco” – dokumentarju dwar il-ħajja u t-tagħlim tal-Papa

Id-dokumentarju “Francesco” mid-direttur Evgeny Afineevsky, jżewweġ flimkien il-vuċijiet tal-passat u l-preżent hekk kif jidhru fih intervisti esklussivi mal-Papa Franġisku nnifsu, mal-Papa Emeitu Benedittu XVI u ma’ membri tal-familja tal-Papa Franġisku.

Fid-dokumentarju jidhru l-isfidi tal-ħajja ta’ bħalissa u kif il-Knisja tista’ twieġeb għalihom filwaqt li tgħin lil min sofra inġustizzji.

Il-premju Kinéo

Il-film intwera għall-ewwel darba llum wara nofsinhar fil-Festival tal-Films f’Ruma. Għada, imbagħad, fil-Ġonna tal-Vatikan, se jirċievi t-18-il Premju Kinéo. Il-“Kinéo Prize – Movie for Humanity” jingħata lil dawk li jippromwovu temi soċjali u umanitarji.

Din is-sena, se jingħata personalment minn Rosetta Sannelli, il-kreatur tal-premju, li enfasizzat il-valur storiku tal-film. Sannellio qalet li “kull vjaġġ tal-Papa Franġisku f’diversi partijiet tad-dinja, huwa dokumentat fix-xogħol ta ‘Afineevsky permezz ta’ stampi u filmati tal-aħbarijiet, u jiżvela idea awtentika tal-ġrajjiet ta ‘żmienna.”