Il-Papa jitkellem dwar il-vokazzjoni tal-Mediterran

REUTERS/Remo Casilli

Read in English.

Meta kien qed ikellem lill-isqfijiet migbura f’Bari ghall-konferenza Episkopali, il-Papa tkellem dwar il-migrazzjoni, il-periklu tan-nazzjonaliżmu u l-ħtiega tad-djalogu. Kien f’dan il-kuntest li l-Papa tkellem dwar dik li sejħilha l-vokazzjoni tal-Mediterran li jiġbor fih kulturi differenti u jkabbar id-djalogu.

Il-Papa Franġisku qal li hemm attitudni ta’ indifferenza li qed tikber li tirrefletti l-mentalità ta’ dawk li minħabba l-ġid u l-libertà tagħhom huma għomja għal oħrajn li jkunu foqra u jokorbu għall-għajnuna.

Fi tmiem il-Konferenza Episkopali li ġabret fiha l-Knejjes tal-Mediterran il-Papa Franġisku qal li l-biża’ qed twassal għall-ħsieb li n-nies iridu jiddefendu ruħhom minn xi invażjoni. Qal li l-falliment tal-politika qed iwassal għal forom ta’ radikaliżmu u terroriżmu.

“Il-komunitá internazzjonali tinsab kuntenta bl-interventi militari, fejn minflok kellha tibni istituzzjonijiet li jiggarantixxu opportunitajiet ugwali u jagħtu l-opportunità liċ-ċittadini biex jassumu r-responsabilità tagħhom għall-ġid komuni.”

Il-Papa appella lill-Isqfijiet biex jitolbu lill-mexxejja li jkunu fil-gvern biex jipproteġu lill-minoritajiet u lil-libertà reliġjuża. Qal li wieħed m’għandux jaċċetta li xi ħadd li jfittex ħajja aħjar permezz tal-baħar imut mingħajr ma jingħata l-għajnuna jew li xi ħadd ġej mill-bogħod jispiċċa vittma tal-esplojtazzjoni sesswali jew jispiċċa f’xi gang.

Skont il-Papa Franġisku, l-integrazzjoni hi parti minn proċess li mhuwiex faċli. Però qal li l-problema ma tiġix indirizzata bil-bini tal-ħitan. Qal li l-ħitan iwasslu biex in-nies jinqatgħu mill-ġid li jġibu magħhom nies oħra.

Saħaq li f’dan l-aspett il-Mediterran għandu vokazzjoni unika li jippermetti d-djalogu. Awgura biex in-nies ma jħallux l-ispirtu tan-nazzjonaliżmu biex ixekkel dan. Saħaq li huwa biss id-djalogu li jippermetti l-għaqda.

Skont il-Papa, il-ġustizzja hija l-kundizzjoni indispensabbli biex ikun hemm il-paċi. Saħaq li l-ġustizzja titkisser meta l-bżonnijiet tal-individwi jiġu injorati u fejn l-interessi partiġjani ekonomiċi jieħdu priorità qabel id-drittijiet tan-nies.

Il-Papa qal li fil-Mediterran hemm soċjetajiet li għandhom ħafna ġid u oħrajn li fihom hemm ħafna nies li qed jistinkaw sempliċiment biex jgħixu. Jemmen li l-komunitajiet Kristjani għamlu kontribut deċiżiv biex tiġi miġġielda din il-kultura b’ħidma ta’ karità u ħidma edukattiva.

Il-Papa qal li fil-Mediterran hemm nies li qed jaħarbu mill-gwerra. Qal li n-numru tagħhom qed jiżdied minħabba li qed jinfirxu l-kunflitti u li qed ikun hemm bidliet ambjentali. Saħaq li dan se jkollu effett fuq il-Mediterran u avża lin-nies biex ikunu preparati.

“Ir-reġjun Mediterranju bħalissa huwa mhedded mill-instabilità u l-kunflitt, kemm fil-Lvant Nofsani u f’pajjiżi differenti tal-Afrika ta’ Fuq kif ukoll bejn diversi gruppi etniċi, reliġjużi, jew konfessjonali. Lanqas nistgħu ma nħarsux lejn il-kunflitt li għadu mhux solvut bejn in-nies tal-Iżrael u tal-Palestina, bil-periklu ta’ soluzzjonijiet inġusti u għalhekk bidu ta’ kriżi ġdida,” qal il-Papa.

Skont il-Papa l-importanza tal-Mediterran ma naqsitx tul iż-żmien. Qal li l-globalizzazzjoni poġġiet enfażi fuq l-irwol tal-Mediterran bħala punt fejn jiltaqgħu l-interessi u l-kurrenti importanti soċjali, ekonomiċi, u reliġjużi. Qal li l-Mediterran jibqa’ post strateġiku.

Il-Papa talab għall-interċessjoni ta’ San Pawl li qasam il-Mediterran biex iwassal il-Kelma ta’ Kristu.

Bosta huma dawk li qed jippruvaw jaqtgħu fejn se jmur il-Papa Franġisku meta jżur Malta fil-31 ta’ Mejju li ġej. Il-programm għadu ma ġiex iffinalizzat imma hemm tendenza li tiġi segwita f’ħafna żjajjar tal-Papa, u għaldaqstant wieħed jista’ jassumi li din tkun addattata għal Malta wkoll. Fid-dawl ta’ dan kollu, b’rabta wkoll ma’ dak li diġà ntqal, Newsbook.com.mt qed iniżżel il-possibilitajiet.