Il-Papa jitkellem dwar il-“Fruntiera l-ġdida tal-Kristjaneżmu”

Il-Papa Franġisku mal-Kunsill tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja
F’ittra li bagħat lill-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja, fl-okkażżjoni tal-25 anniversarju mit-twaqqif tagħha mill-Papa San Ġwanni Pawlu II, il-Papa Franġisku fakkar li l-fraternità hi wiegħda li ma nżammitx mid-dinja moderna u li t-tisħiħ tal-għaqda fl-umanità – li jiġi meta nitolbu ‘l Alla bi spirtu veru – hi l-fruntiera l-ġdida tal-Kristjaneżmu.
Il-Vatikan xandar l-ittra twila tal-Papa Franġisku lill-Mons. Vincenzo Paglia, President tal-Akkademja,  li fiha ffoka fuq il-komunità umana li qal kienet il-ħolma ta’ Alla anke minn qabel il-ħolqien tad-dinja.
Papa Franġisku qal li llum il-Knisja, għal darb’oħra hi msejjħa biex tipproponi l-umaniżmu tal-ħajja li joħroġ mill-imħabba ta’ Alla għalina l-bnedmin. Hu rrifera għad-diversi ostakoli li l-umanità qed tiffaċċja.
Il-Qdusija Tiegħu qal li hemm stat ta’ emerġenza fir-relazzjoni tagħna mal-istorja tad-dinja u l-popli tagħha. Din l-emerġenza ġejja mill-fatt li kulħadd jaħseb fih innifsu minflok fil-ġid komuni.  Din l-attitudni wasslet għall-paradoss fejn minkejja l-iżvilupp ekonomiku mgħaġġel u l-progress teknoloġiku, l-umanità qed toħloq diviżjonijiet kbar u l-agħar forma ta’ ħmar il-lejl.
Quddiem din is-sitwazzjoni, l-Knisja trid tirreaġixxi għal din in-negattivita li qed iġġib il-firda, l-indifferenza u ostilità. Din biċċa xogħol iebsa għall-Knisja li tinsab fil-periklu li tonqos milli tagħraf il-gravità ta’ din l-emerġenza.
Fl-ittra tiegħu il-Papa appella għal viżjoni ġdida li tippromwovi l-umaniżmu tal-fraternità u s-solidarjetà bejn l-individwi u bejn il-popli. Hu kiteb li “irridu nitkellmu bil-lingwaġġ u ninkarnaw il-messaġġ tal-Evanġelju fl-esperjenza konkreta tal-bniedem”.

Il-Papa awgura li l-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja tibda djalogu kuraġġjuż fl-interess tal-ġid komuni.  Dan jista’ jsir billi nfittxu kriterji universali li fuqhom jittieħdu d-deċiżjonijiet u billi nifhmu aħjar ir-relazzjoni bejn id-drittijiet u l-obbligi.

Hemm bżonn nistudjaw ukoll it-teknoloġiji emerġenti u konverġenti, partikolarment dawk fl-oqsam tal-informazzjoni, it-tekonoloġija tal-informazzjoni, il-bio-teknoloġija, in-nanotechnologies u r-robotika.

Papa Franġisku żied jgħid li din it-tip ta’ mediċina, ekonomija, teknoloġija u politika li jiżviluppaw fis-soċjetà moderna, iridu fuq kollox ikunu suġġetti għall-ġudizzju tal-popli li jgħixu fil-periferiji tad-dinja.