Il-Papa jitkellem dwar il-benefiċċji tal-iSport

Il-Papa jkellem lil atleti, driġenti u ġenituri dwar il-benefiċċji tal-isport

F’udjenza li kellu mal-parteċipanti f’laqgħa bit-tema “Il-Futbol li Nħobb”, organizzata minn “La Gazzetta dello Sport” u l-Federazzjoni tal-Futbol Taljan u li għaliha attendew madwar 6,000 tifel u tifla mir-reġjuni tal-Lazio u l’ Abruzzo, il-Papa Franġisku qal li l-Isport hu opportunità kbira biex nitgħallmu nagħtu l-aħjar tagħna nfusna, b’sagrifiċċju u mpenn u fuq kollox, flimkien ma’ oħrajn.

“Isimgħuni tajjeb: l-isport mhux weħidkom. Aħna qed ngħixu fi żmien, fejn grazzi għall-iżbiluppi kbar fit-teknoloġija, sar aktar faċli li wieħed jiżola lilu nnifsu u li joħloq irbit virtwali ma’ ħafna nies, iżda mill-bogħod. Jagħmel rabtiet, imma jkun waħdu.

Flimkien bħala tim

Is-sabiħ dwar il-logħba tal-ballun hu li tkun kapaċi tilgħab mal-oħrajn, tiġri f’nofs għalqa, titgħallem tibni azzjoni, flimkien bħala tim.  Il-ballun isir mezz biex tistieden lil ħaddieħor biex tkunu ħbieb u ssib ruħek fi spazju fejn tħares lejk innifsek u teżamina l-ħiliet tiegħek.

Ħbieb: il-logħba tal-futbol hi waħda ta’ tim: ma tieħux gost tilgħab waħdek! U jekk ngħixuha mal-oħrajn tagħmel tajjeb anke għall-moħħ u l-qalb f’soċjetà li tenfasizza s-suġġettività, iċ-ċentralità tal-‘jien’ bħallikieku dan xi prinċipju assolut. Li tilgħab jagħmlek ferħan għax tista’ tesprimi il-libertà tiegħek, tikkompeti bi pjaċir, tgħaddi l-ħin liberu b’mod sempliċi. Għaliex? Għax qed tieħu gost, tħobb tilgħab il-futbol, tiġri wara ħolma bla ma bilfors trid tirbaħ, qal il-Papa Franġisku.

Huwa stieden lill-ġenituri biex jittrasmettu f’uliedhom il-mentalità tal-logħba, li jissoċjalizzaw u fi żminijiet diffiċli jinkoraġġuhom, l-aktar wara xi telfa.  Il-ġenituri għandhom “jgħinu lil uliedhom li meta jkunu riserva, din mhux umiljazzjoni imma opportunità biex jikbru u jagħtu opportunità lil xi ħaddieħor. Għinuhom biex dejjem jieħdu pjaċir jagħtu l-aħjar tagħhom għax wara l-logħba hemm il-ħajja tistennihom”.

Punt ta’ riferenza

Il-Papa qal li f’din l-avventura l-kowċ għandu sehem importanti wkoll għax hu punt ta’ riferenza għat-tfal li jkun qed iħarreġ. “Kulma tgħidulhom, jagħmlu u l-mod kif tgħiduha u tagħmluha hu lezzjoni għall-atleti u jħalli marka qawwija f’ħajjithom, għat-tajjeb jew għall-ħażin”.

Hu ndirizza wkoll lill-istilel tal-futbol li jispiraw lill-atleti żgħażagħ. “Tinsewx minn fejn bdejtu: f’dik l-għalqa f’tarf ir-raħal, fl-oratorju jew f’dak il-klabb żgħir. Nittama li dejjem tħossukom grati lejn l-istorja tagħkom mimlija sagrifiċċji, rebħiet u telfiet. Kunu dejjem konxji tar-responsabbiltà tagħkom li tedukaw, billi tkunu konsistenti f’ħajjitkom u solidali ma’ min hu dgħajjef u tinkoraġixxu liż-żgħar biex jikbru internament u forsi anke jsiru champions f’ħajjithom”.

Il-Papa ħalla l-aħħar kliem tiegħu għall-mexxejja tal-għaqdiet sportivi u ħeġġiġhom biex dejjem jiddefendu l-ispirtu tal-logħba. “Jalla s-sabiħ tal-futbol ma jintilifx fl-interessi finanzjarji”, wissa’ Papa Franġisku.