Il-Papa jitkellem mal-astronawti fl-ispazju

Nhar il-Ħamis li għadda mill-istudju tiegħu fil-Vatikan il-Papa Franġisku tkellem għal 20 minuta sħaħ mas-sitt astronawti li bħalissa qed iduru fl-ispazju. Din kienet okkażżjoni li anke fl-ispazju, l-astronawti jitolbu bil-mod tagħhom.
“Inħossni qed nara d-dinja mill-għajnejn ta’ Alla” qal Randy Bresnik, il-Kmandant Amerikan tal-vettura spazjali, għal mistoqsija li għamillu l-Papa. L-astronawti huma żewġ Russi, Taljan u tliet Amerikani.
Il-Papa qal li kien mod ferm kurjuż kif tagħmel domandi f’okkażżjoni hekk rari. Fost il-mistoqsijiet Papa Franġisku staqsa: “il-missjoni li qed tagħmlu x’tgħidilkom dwar il-post tal-bniedem fl-univers? X’wassalkom biex sirtu astronawti u x’inhu li jagħtikom pjaċir meta tkunu fl-ispazju? F’soċjeta’ individwalistika kellmuni dwar it-tifsira tal-ħidma tagħkom flimkien fuq din il-vettura spazjali?”
“B’veloċita’ ta’ 10 kilometri kull sekonda naraw dinja bla fruntieri, fil-paċi u tkellimna dwar il-ħtieġa li naħdmu flimkien għal futur aħjar”, wieġeb il-kmandant Bresnik. L-Astronawta Amerikan Mark Vande Hei, kattoliku impenjat, kien ilu ħafna jisenna dan il-mument.  Infatti kien hu li ssuġerixxa lin-NASA biex issir din il-komunikazzjoni tagħhom ma’ Papa Franġisku.
Għal Hei, il-konkwista tal-ispazju għandha togħma ta avventura spiritwali. Hu li miżżewweġ u għandu żewġt itfal, qabel telqet il-missjoni spazjali mar il-Knisja biex jingħata barka speċjali. Fr Wencil Pavlovsky qal li Hei kien inkwetat dwar it-tqarbin tul is-sitt xhur li qed jagħmel fl-ispazju. Il-patri qal li tah ċiborju bl-ostji mbierka biex meta jkun fl-ispazju jkun jista’ jitqarben u jiċċelebra t-tqarbin ma’ sħabu.
Għall-astronawti nsara, fl-ispazju jesperjenzaw il-fidi tagħhom b’intensita akbar. “Alla kien il-ħin kollu preżenti fi ħsibijieti, aktar milli meta kont fid-dinja. Hu uman li tafda f’Alla meta tkun għaddej minn żminijiet diffiċli u l-vjaġġ fl-ispazju hu żmien diffiċli”, qal Mike Hopkins li kien għamel missjoni spazjali fl-2013.
Fr Pavlovsky, qal li l-astronawta Mark Vande Hei li bħalissa jinsab fl-ispazju hu parruċċan tiegħu. Miegħu fil-vettura spazjali barra ċ-ċiborju li tah ħa wkoll kuruna tar-rużarju. Meta jirritorna fid-dinja dawn l-oġġetti jitpoġġew fil-Mużew li fih hemm diversi oġġetti li ġiebu magħhom mill-ispazju 36 astronawta mill-parroċċa li marru fl-ispazju fl-aħħar 50 sena.