Il-Papa jistieden lit-torox jgħinu lil oħrajn “jisimgħu” l-vuċi t’Alla

Il-Papa Franġisku f'laqgħa ma' membri tal-Federazzjoni Taljana tat-Torox

Il-Papa Franġisku aktar kmieni din il-ġimgħa ltaqa’ ma’ membri tal-Federazzjoni tal-Għaqdiet tat-Torox fl-Italja li kienet twaqqfet fl-1920 bl-iskop li tiġġieled “l-iżolament, l-emarġinazzjoni u l-umiljazzjoni tat-torox u l-muti.

Fil-laqgħa ta’ nhar il-Ħamis, il-Papa żied l-iskop tal-Federazzjoni u qal li din issa hi dedikata wkoll biex “tiġġieled il-kultura tal-ħala u tinkoraġixxi inklużjoni akbar fl-ambjenti kolha” Sostna li dan hu meħtieġ biex “nassiguraw kwalità ta’ ħajja aħjar għat-torox u nirbħu din id-diżabilità billi nivvaloriżżaw id-dimensjonijiet kollha tal-bniedem inkluż dik spiritwali”.

“Nisimgħu l-Kelma t’Alla

Id-diskors tal-Papa kien tradott bil-lingwa tas-sinjali. Huwa qal li “it-torox inevitabilment jesperjenzaw kundizzjoni fraġli”. Bħal ħafna persuni oħra b’diżabilità, spiss jesperjenzaw forom ta’ preġudizzju, anke fil-komunitajiet insara. “Dan mhux sew”, insista l-Papa Franġisku. It-torox jgħallmuna li hu biss billi naċċettaw il-limitazzjonijiet tagħna li nistgħu ngħinu biex tinbena “il-kultura tal-laqgħa” kontra l-indifferenza li hi mxerrda ma’ kullimkien.

 “Il-preżenza t’Alla ma nħossuhiex b’widnejna imma bil-fidi” qal il-Papa. Il-vuċi t’Alla tidwi fil-qalb ta’ kull persuna “u kulħadd jista’ jismagħha”. Hawnhekk il-Papa stieden lil dawk preżenti “biex jgħinu lil dawk li ma jisimgħux il-vuċi t’Alla biex ikunu aktar attenti għaliha.

Fl-aħħarnett il-Papa Franġisku offra t-talb tiegħu għat-torox kollha tad-dinja “speċjalment dawk li jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ faqar u emarġinazzjoni”. Nitlob biex “intom tagħtu l-kontribut speċjali tagħkom lis-soċjetà u li tkunu kapaċi jkollkom ħarsa profetika li kapaċi takkumpanja proċess ta’ inklużjoni, u  tikkooperaw fir-rivoluzzjoni ta’ mħabba u għaqda”.