Il-Papa jistieden lit-teologi jaħdmu għal “teoloġija sabiħa”

Il-Papa jiltaqa' ma' membri tal-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali

Read in English.

Fi tmiem il-ġimgħa l-Papa Franġisku kellu laqgħa u tkellem ma’ membri tal-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali li ltaqgħu f’Ruma biex ifakkaru l-50 anniversarju mit-twaqqif tal-Kummissjoni.

Hu beda biex irrifera għall-messaġġ tal-Papa Emeritu Benedittu XVI li bagħat għal din l-okkażżjoni u fih jiddikjara li “hi biss l-umiltà li tista’ twassal għall-Verità u l-Verità hi s-sisien tal-imħabba li fuqha jiddependi kollox”.

Kif kompla jgħid fil-messaġ tiegħu l-Papa Benedittu XVI il-Kummissjoni Teoloġika twaqqfet “biex toħloq pointijiet ġodda bejn it-teoloġija u l-Maġisteru”.

Żewġ testi

Il-Papa Franġisku rrikonoxxa li fl-aħħar sessjoni ta’ ħames snin, il-Kummissjoni kitbet żewġ testi importanti ħafna.  L-ewwel wieħed joffri kjarifika teoloġika dwar is-sinodalità kemm fil-ħajja kif ukoll fil-missjoni tal-Knisja.

“Kif tafu, it-tema tas-sinodalità hi għal qalbi ħafna: is-sinodalità hi stil, hi mod kif nimxu flimkien u dak li jistenna mill-Knisja il-Mulej fit-tielet millenju”, qal il-Papa.

It-tieni dokument, jipproponu li jsir dixxerniment fuq id-diversi nterpretazzjonijiet tal-libertà reliġjuża fil-ġranet tal-lum.  Il-Papa Franġisku spjega kif “rispett onest” lejn il-libertà reliġjuża hu “kontribut kbir lejn il-ġid komuni u l-paċi”.

Il-Papa mbagħad kompla jgħid lil dawk preżenti li “bħala teologi ġejjin minn amjenti u skejjel differenti, intom medjaturi bejn il-fidi u l-kulturi. B’dan il-mod intom tieħdu sehem f’missjoni essenzjali tal-Knisja li hi l-Evanġeliżazzjoni”.

Teoloġija sabiħa

Il-Papa temm  billi għaraf li anke wara 50 sena ta’ ħidma sfieqa “għad hemm ħafna xi jsir”. Hemm bżonn ta’ “teoloġija sabiħa” li tirrispetta l-Evanġelju u mhux sempliċement teoloġija funzjonali.

“U biex nagħmlu ‘teoloġija sabiħa’ ma rridux ninsew żewġ dimensjonijiet li jsawwruha.  L-ewwel hi l-ħajja spiritwali u t-tieni l-ħajja ekklesjali”. It-teoloġu jrid jimxi ‘l quddiem u jieħu r-riskji waqt id-diskussjonijiet tiegħu.

It-teoloġi għandhom jindirizzaw suġġetti kontroversjali u topiċi; imma dan għandhom jagħmluh bejniethom, fil-privat, biex ma jwasslux li n-nies jitilfu l-fidi.  In-nies iridu dejjem jingħataw “ikel solidu li jitma u jsostni l-fidi”.

Fl-aħħarnett il-Papa temma l-gratitudni tiegħu għall-ħidma kollha tal-Kummissjoni u ħeġġeġ lil dawk kollha preżenti biex jaqdu l-missjoni tagħhom b’ferħ.