Il-Papa jistieden lill-ħaddiema tal-Vatikan biex jitbissmu

Il-Papa jilqa' lill-ħaddiema tal-Vatikan u l-familji tagħhom

Il-Papa Franġisku, nhar is-Sibt filgħodu żamm mat-tradizzjoni antika tal-Vatikan u laqa’ f’udjenza lill-impjegati tal-Vatikan u l-familjari tagħhom u nkoraġġihom biex jiskopru l-importanza tat-tbissima u jżommuha dejjem fuq wiċċhom.

Il-Papa qal li fiż-żjara riċenti li għamel fit-Tajlandja kien ispirat minn pajjiż fejn in-nies huma dejjem bi tbissima.  Dan ġiegħlu jirrifletti dwar kemm it-tbissim hu espressjoni umana tipika ta’ mħabba u affezzjoni”.

Hu ġieb l-eżempju ta’ kif it-tbissima ta’ tarbija tat-twelid timbuttana biex nitbissmu lura u nesperjenzaw emozzjoni sempliċi. It-tbissima tat-tarbija hi b’saħħitha għax hi ġdida, pura u ġġib fina adulti, nostaliġija intima ta’ tfulitna.

Ġesù it-tbissima ta’ Alla

“Ġesù hu t-tbissima ta’ Alla”, qal il-Papa. “Hu ġie biex jurina l-imħabba tal-Missier li hu fis-sema, it-tjubija tiegħu” u l-ewwel ħaġa kif għamel dan hu li tbissem lill-ġenituri tiegħu, “kif tagħmel kull tarbija li titwieled fid-dinja”. Aħna nerġgħu ngħixu din l-esperjenza meta nikkomtemplaw lit-tfajjel Ġesù fil-maxtura, żied jgħid il-Papa.

Inħossu lil Alla jitbissmilna, lill-foqra kollha tad-dinja, jitbissem lejn “dawk kollha li qed jistennew is-salvazzjoni, li jittamaw f’dinja aħjar fejn ma jkunx hemm gwerrer u vjolenza, fejn kull persuna tista’ tgħix b’dinjità bħala wild Alla”.

Il-Papa żied jgħid lill-ħaddiema tal-Vatikan u lill-familji tagħhom, li fil-Vatikan, fid-diversi uffiċċji tas-Santa Sede, “għandna bżonn niġġeddu bit-tbissima ta’ Ġesù Bambin. J’alla t-tjubija diżarmanti tiegħu tnaddafna mill-ħażin li spiss jitrabba f’qalbna u ma jħalliniex nagħtu l-aħjar li nistgħu”.

“Il-kwalità tax-xogħol timxi id f’id mal-kwalità tar-relazzjonijiet umani. Dan jgħodd b’mod speċjali għalina, li naħdmu fis-servizz tal-Knisja u f’isem Kristu”, żied jgħid il-Papa.

Bżonn it-tbissima t’Alla

Il-Papa ammetta li għal diversi raġunijiet, kultant ikun diffiċli li wieħed jitbissem. Hemm ikollna bżonn it-tibissima t’Alla: Hu biss jista’ jgħinna. Drabi oħra, meta l-affarijiet ikunu sejrin tajjeb, nistgħu ninsew dwar l-oħrajn li għadhom jitqabdu: “Anke hemm ikollna bżonn it-tbissima t’Alla, biex tneħħielna s-sigurtà falza tagħna u ġġibna lura għas-sempliċità”.

Bħal Marija u Ġużeppi “ejja nilqugħ… u aħna wkoll inkunu nġibu tbissima sempliċi u umli fuq wiċċ l-oħrajn. Għax it-tbissima hi bħal karezza”, temm jgħid il-Papa Franġisku.