Il-Papa jistieden lill-hackers biex isolvu l-problemi soċjali

Il-Papa stieden lill-hackers fil-Vatikan biex permezz tat-teknoloġija joħolqu proġetti li jistgħu jsolvu l-problemi soċjali tad-dinja.
120 student minn 30 pajjiż madwar id-dinja kellhom 36 siegħa biex f’waħda mis-swali tal-Vatikan joħorġu b’soluzzjoni għall-problemi l-iktar pressanti fid-dinja fosthom l-inklużjoni soċjali, id-djalogu bejn nies ta’ fidi differenti u l-imigranti u r-refuġjati.
Il-Monsinjur Lucio Ruiz, mis-Segretarjat għall-Komunikazzjoni tal-Vatikan qal li din l-attività hija parti mill-istorja twila tar-relazzjoni tal-Vatikan max-xjenza, teknoloġija u l-fidi.
Kien dan l-ispirtu li wassal lil Gege Gatt, espert fl-IT, biex jgħin lill-Knisja wara appell li kien għamel il-Papa stess sena ilu waqt Ted Talk.
Waqt il-programm Newsline li jixxandar kull nhar ta’ Sibt fuq RTK, Gatt jispjega kif madwar sena ilu, il-Papa kien appella lil dawk kollha fid-dinja teknoloġika biex jużaw l-abbiltajiet tagħhom biex jgħinu lill-Knisja

Gege Gatt kien wieħed mill-40 konsulent waqt Vhack, l-attività organizzata fil-Vatikan għall-hackers, qal li ma setax jemmen bil-kuntrast li l-istorja tal-Palazz fejn kienu seta’ jkollu.
Qal li huma kienu mdawwrin b’afresski li jmorru lura għas-seklu 15 u żgħażagħ xjentisti li kellhom din l-opportunità li jużaw teknoloġija bl-aktar appart modern biex isolvu l-problemi tad-dinja.
Gatt spjega li l-istudenti li ntagħżlu biex jipparteċipaw fil-Vhack huma l-aqwa fix-xjenza tal-informatika u kienu ġejjin mill-aqwa universitajiet madwar id-dinja fosthom Harvards, MIT, Yale, Goergetown, Washington u Oxford.

Xi tfisser Hackathon?
Il-kelma hija ffurmata minn żewġ kelmiet: Hacker u Marathon. Fix-xena teknoloġika, hacker tfisser persuna li kapaċi jagħmel il-ġid bl-użu tal-informatika u f’dan il-kuntest, il-kelma maratona tintuża minħabba li fl-inqas ħin possibbli, l-parteċipanti joħorġu b’soluzzjoni għall-problema li jkollhom quddiemhom billi jużaw l-informatika.
Tista' tisma' l-intervista li saret ma' Gege Gatt waqt il-programm Newsline hawnhekk.