Il-Papa jirringrazzja ‘l Alla għall-enerġija li għandu

Papa Franġisku jistqarr li l-enerġija biex jagħmel il-vjaġġi u l-ħidma tiegħu hi rigal minn Alla

Il-Papa Franġisku faħħar ir-relazzjonijiet tajba bejn nies ta’ twemmin differenti kemm fil-Bulgarija kif ukoll fil-Macedonia u esprima l-ammirazzjoni tiegħu għal dak li hu sejjaħ, “rispett” għad-diversità u għad-drittijiet  u mhux sempliċement tolleranza, li ra fiż-żewġ pajjiżi li għadu kif temm żjara fihom.

Il-Papa kien qed ikellem lill-ġurnalisti fil-vjaġġ lura lejn il-Vatikan minn Skopje. Hu qal li l-Bulgarija u l-Macedonia huma żewġ pajjiżi totament differenti. Il-Bulgarija hi pajjiż bi tradizzjoni ta’ sekli twal filwaqt li l-Macedonia għandha tradizzjonijiet antiki iżda hi pajjiż żagħżugħ u għandha poplu żagħżugħ.

Il-Macedonia ta’ Fuq li kienet stabbilità bħala nazzjon “riċentement” hi simbolu ta’ kif il-Kristjaneżmu wasal fil-Punent, permezz tal-Appostlu Pawlu li ried imur jippriedka l-Asja u minflok mar il-Macedonia. “Il-poplu tal-Macedonia ma jitilfuq opportunità biex ifakkruna kif il-Kristjaneżmu daħal mill-bieb”.

L-enerġija tal-Papa   

Wieħed mill-ġurnalisti staqsa lill-Papa Franġisku mnejn iġib is-saħħa u l-enerġija li għandu bżonn biex jivvjaġġa u jagħmel ix-xogħol kollu li jagħmel?

“L-ewwelnett irrid ngħid li jien mhux saħħar. Din hi grazzja minn Alla. Meta nkun f’xi pajjiż ninsa lili nnifsi u moħħi jkun biss hemm”, wieġeb il-Papa. Hu stqarr li “ma ngħajjiex nivjaġġa, imma wara nħossni għajjien. Nemmen li Alla jagħtini s-saħħa. Jien nitolbu jgħinni biex inkun fidil u naqdih u biex dawn il-vjaġġi ma jkunux esperjenza turisitika”.

Ir-relazzjonijiet mal-Knisja Ortodossa

Mistoqsi dwar il-Knisja Ortodossa, Papa Franġisku enfasizza li b’mod ġenerali ir-relazzjonijiet huma tajba u hemm rieda tajba.  Il-Patrijarki Ortodossi huma nies ta’ Alla. Hu fakkar fi kliem il-President tal-Macedonia waqt iż-żjara, dwar ix-xiżma fil-Lvant u qal: “Il-Papa ġej biex isewwi din ix-xiżma? Ma nafx. Aħna aħwa u ma nistgħux inqimu lit-Trinità bla ma ngħaqqdu idejna fl-imkien, bħal aħwa”.

Għal mistoqsija oħra, Papa Franġisku ddeskriva lill-Kardinal Stepinac bħala bniedem b’ħafna virtujiet u “għalhekk il-Knisja ddikjaratu Beatu”.  Fil-proċess kien hemm punti li ma kienux ċari u allura qabel jiffirma l-awtoriżazzjoni biex jibda l-proċess tal-kanoniżazzjoni, hu talab, irrifletta u talab il-parir u l-għajnuna tal-Patrijarka Irenaeus tas-Serbja.

“Twaqqfet Kummissjoni storika għax ma rridux nagħmlu żbalji, irridu l-verità”. Il-Papa qal li xi affarijiet qed ikunu eżaminati biex il-verità tkun iċċarata. “Jien ma nibżax mill-verità. Jien nibża’ biss mill-ġudizzju ta’ Alla”.

Id-Djakni nisa

Waħda mill-komunitajiet Ortodossi li l-Papa żar fil-Bulgarija għandha tradizzjoni ta’ Djakni nisa biex jipproklamaw il-Vanġelu. Għalhekk wieħed mill-ġurnalisti staqsa lill-Papa li llum se jiltaqa’ mas-Superjuri Ġenerali tal-Kongregazzjonijiet tas-Sorijiet, x’sab fir-rapport tal-Kummissjoni li ħataf fl-2016 dwar id-Djakonat tan-Nisa?

Il-Papa qal li din il-Kummissjoni ħadmet għal sentejn imma waqfet minħabba xi differenzi li nqalgħu. Dwar id-Djakni nisa qal li “hemm mod kif wieħed jikkonċepixxi din l-idea b’viżjoni differenti minn dik tad-Djakni rġiel.” Għalkemm hemm dokumenti storiċi dwar il-ministeru tad-Djakni nisa, il-Papa  qal li “ma hemmx ċertezza li l-ordinazzjoni tagħhom kienet fl-istess forma u għall-istess skop tal-irġiel.

Żied jgħid li l-Kummissjoni għamlet biċċa xogħol tajba u l-konklużjonijiet tagħha jistgħu jservu biex nimxu ‘l quddiem għal deċiżjoni definittiva “Iva” jew “Le”. Bħalissa hemm teoloġi li qed jistudjaw diversi teżijiet.

Mumenti kommoventi

Papa Franġisku tkellem mal-ġurnalisti kemm kien kommoss jara l-ġentilezza u l-imħabba li biha s-sorijiet ta’ Madre Teresa jieħdu ħsieb il-foqra “jieħdu ħsiebhom mingħajr paternaliżmu, qishom tfal li kapaċi jilħqu lill-foqra u jikkarezzawhom”.

Il-Papa nnota kif fid-dinja tal-lum drajna ninsulentaw lil xulxin. “il-politiċi jinsultaw lil xulxin, il-ġirien jinsultaw lil xulxin, anke fil-familja stess ninsultaw lil xulxin. Nazzarda ngħid li donnu hawn “kultura tal-insulti”. Din hi arma kif inhuma l-għajjat ma’ xulxin, il-gideb u d-defamazzjoni. Dawn huma kollha armi. Il-ġentilezza tas-Sorijiet ta’ Madre Teresa ġiegħlitni nħoss ‘il-Knisja Omm’ u nirringrazzja lill-Macedonia għal dan it-teżor”.

Il-Papa qal li mument ieħor kommoventi f’dan il-vjaġġ kien meta għamel l-Ewwel Tqarbina lit-tfal fil-Bulgarija. “Ħassejtni kommoss u ftakart meta jien għamilt il-Preċett fit-8 ta’ Ottubru 1944.  Il-Knisja tieħu ħsieb it-tfal li huma vulnerabbli għax għadhom żgħar, imma dawn huma t-tama tagħna, iridu jikbru. Dak il-ħin ħassejt li dawk il-245 tifel u tifla huma l-futur tal-Knisja fil-Bulgarija”, temm jgħid il-Papa lill-ġurnalisti.