Il-Papa jirrikonoxxi l-ħidma ta’ soru li qed taħdem ma’ nisa transgender

Minkejja s-sħana tas-Sajf jidher li l-Papa Franġisku ma naqqasx fil-ħidma tiegħu u f’dawn il-jiem qed jipprova jwieġeb il-ħafna korrispondenza li tasallu minn kull rokna tad-dinja. Fost l-ittri li wieġeb kien hemm waħda ta’ Soru Karmelitana, Sister Monica Astorga mill-Arġentina li qed taħdem ma’ nisa transgender biex tgħinhom joħorġu mill-prostituzzjoni u l-abbuż tad-droga.
Il-Ħamis tal-ġimgħa l-oħra din is-soru bagħtet e-mail lill-Papa biex iżżommu aġġornat dwar żviluppi li kien hemm fil-ħidma tagħha fosthom li kienet akkwistat biċċa art li fuqha kienet se tibni 15-l-appartament żgħir għan-nisa li kienet qed taħdem magħhom.
 L-għada stess il-Papa Franġisku weġibha u qalilha “Int u l-kunvent tiegħek intom ħafna għal qalbi. Għid li n-nisa li qed taħdem magħhom li huma wkoll huma viċin qalbi”.
Papa Bergoglio u Sister Monica ilhom jafu lil xulxin qabel hu sar Isqof fl-Arġentina.  Hu kien żar il-kunvent tagħha fl-2009, qabel laħaq Papa u kienet qaltlu li qed taħdem ma’ nisa transgender u hu qalilha biex ma tabbandunax din il-ħidma li Alla sejħila għalija.
Is-soru tirrakkonta li f’Lulju 2006, Romina, mara transgender marret fil-kunvent u talbet biex tkellimha. Il-konverżazzjoni damet sagħtejn li matulhom is-soru ma felħitx tgħid kelma waħda. Is-soru qaltilha biex tara hemm oħrajn li riedu joħorġu mill-prostituzzjoni u ġimgħa wara rritornat il-kunvent b’erba’ nisa oħra magħha. Huma talbu flimkien u wara staqsiethom x’kienu x-xewqat tagħhom.
“Ħassejtni mkissra meta waħda minn dawn in-nisa, Katy, qaltli, nixtieq sodda nadifa biex immut fiha”, stqarret Sister Monica. Illum Katy għandha ħanut ta’ ħajjata u ilha għal erba’ snin tattendi laqgħat tal-Alcoholic Anonymous.
Sister Monica għandha l-appoġġ tal-Isqof tad-djoċesi u tal-Papa nnifsu li f’nota li bagħtilha ftit ilu qalilha: “Fi żmien Kristu il-morda bil-lebbra kienu mwarrba. Int qed taħdem mal-lebrużi tal-lum. Titlaqx il-ħidma li qed tagħmel.”
Il-Papa tkellem diversi drabi fuq persuni transgender u ddeskriva raġel trans bħala “Dak li kien HI imma huwa HU” “Il-ħajja hi dik li hi.  Irridu naċċettaw l-affarijiet kif jiġu. Id-dnub hu dnub. It-tendenzi, l-iżbilanċ ormonali joħolqu ħafna problemi u allura rridu nkunu attenti.  Mhux ngħidu li kollox l-istess, imma f’kull każ irridu nakkumpanjaw, nistudjaw, niddixxernu u nintegraw. Hekk kien jagħmel Kristu llum, kieku”.