Il-Papa jirrifjuta li jiltaqa’ mas-Segretarju tal-Istat Amerikan

Uffiċjal ewlieni tal-Vatikan akkuża lill-amministrazzjoni tal-President Amerikan Donald Trump li ried juża lill-Papa Franġisku permezz ta’ avveniment li kellu jsir matul iż-żjara tas-Segretarju tal-Istat Amerikan Mike Pompeo f’Ruma.

Paul Richard Gallagher, is-Segretarju għar-Relazzjonijiet mal-Istati tal-Vatikan, wieġeb fil-pożittiv meta mistoqsi mill-aġenzija ANSA jekk jaħsibx li l-Gvern Amerikan kienx qed japprofitta mill-Papa meta organizza, b’mod unilaterali, simpożju dwar il-libertà reliġjuża fl-Ambaxxata tiegħu fil-Vatikan.

“Iva, u hu preċiżament għalhekk għalfejn il-Papa mhux se jiltaqa’ mas-Segretarju tal-Istat Amerikan Mike Pompeo”, sostna Gallacher.

Waqt iż-żjara, Pompeo mistenni jkollu taħdidiet mal-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte, mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Luigi Di Maio u mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan Pietro Parolin, iżda mhux mal-Papa Franġisku.

Sorsi fil-Vatikan qalu li laqgħa ma’ figura ewlenija fl-amministrazzjoni ta’ Trump ma kinitx xierqa daqshekk qrib l-elezzjoni.

Pompeo and Parolin mistennija jiddiskutu r-relazzjonijiet tal-Vatikan maċ-Ċina, wara li s-Segretarju tal-Istat Amerikan akkuża lill-Vatikan li ma kienx qed jieħu pożizzjoni soda biżżejjed fuq iċ-Ċina u kien kritiku għall-fatt li aktarx jiġġedded ftehim mal-awtoritajiet Ċiniżi dwar il-ħatra tal-isqfijiet.

Waqt diskors f’Ruma lbieraħ, Pompeo sejjaħ biex “il-mexxejja tar-reliġjonijiet kollha jsibu l-kuraġġ li jikkonfrontaw il-persekuzzjoni reliġjuża kontra l-komunitajiet tagħhom u dawk ta’ twemmin differenti”.