Il-Papa jirreċita l-Litanija tal-Umiltà

Il-Papa jiddjaloga mar-rapreżentanti tiegħu mxerrda mad-dinja u tkellem magħhom dwar ir-rwol tan-Nunzju Apostoliku

Aktar minn 100 rappreżentant pontifiċju, Nunzji Apostoliċi u Osservaturi Permanenti, din il-ġimgħa ltaqgħu mal-Papa fil-Vatikan f’laqgħa  li jsejjaħ għalihom kull tliet snin. Matul il-laqgħa Papa Franġisku fetaħ djalogu magħhom flok għamlilhom diskors  u talabhom biex jimmeditaw dwar dak li ntqal. Fi tmiem il-laqgħa għaddielhom kopja tad-diskos li kien ħejja għalihom.

Fid-diskors li kien ipprepara l-Papa offra lir-rappreżentanti tiegħu speċi ta’ dekalogu li kien jinklui għaxar kwalitajiet li għandhom jikkaratterizzaw lin-Nunzju Apostoliku.

Bniedem t’Alla u tal-Knisja

Hu qal li n-Nunzju hu bniedem ta’ Alla, li jimxi wara Alla f’kollox; u hu wkoll bniedem tal-Knisja. In-Nunzju ma jirrappreżentax lilu nnifsu, imma lill-Knisja u speċjalment lill-Papa. Hu jissimbolizza lill-Papa u jservi bħala pont li jgħaqqad lill-Vigarju ta’ Kristu u l-poplu ta’ fejn jintbgħat jaħdem.

Il-Papa Franġisku qal li n-Nunzju hu bniedem ta’ żelu apostoliku bid-dmir “li jdawwal id-dinja bid-dawl ta’ Kristu Rxoxt u li jwassal lill-Kristu sa trufjiet l-art”. Fl-istess waqt irid ikun “bniedem li jimmedita, jgħaqqad, jiddjaloga u jirrikonċilja”, u jkun imparzjali u jfittex biss il-ġustizzja u l-paċi.

In-Nunzjuu jrid ikun ukoll bniedem ta’ inizjattiva, kapaċi jagħraf u jilqa’ l-isfidi tal-mument bla ma jkun riġidu żżejjed iżda anqas ipokrita u flessibbli żżejjed”. In-Nunzju hu wkoll bniedem li jobdi li għan-nisrani jfisser mal-istil tal-ħajja ta’ Ġesù ta’ Nazareth.

Il-ħajja tan-Nunzju trid tkun waħda ta’ talb li tressqu aktar lejn Kristu li lilu hu msejjaħ biex jipproklama u jirrappreżenta. Il-Papa fakkar lir-rappreżentanti tiegħu  li t-talb, it-triq tad-dixxipolat u l-konversjoni ul-karità juru l-awtentiċità Evanġelika tagħhom.

Litanija tal-Umiltà

Il-Papa kkonkluda d-dekalogu għan-Nunzji  Apostoliċi bil-virtù tal-umiltà, u qasam magħhom il-“Litanija tal-Umiltà” li kien kiteb il-Qaddej t’Alla, il-Kardinal Rafael Merry dal Val, li kien Segretarju tal-Istat tal-Vatikan fi żmien il-Papa Piju X:

Mulej Ġesù ta’ qalb ħelwa u umli, ismagħni.

Mix-xewqa li nkun stmat, eħlisni, Ġesù.

Mix-xewqa li nkun maħbub, eħlisni Ġesù.

Mix-xewqa li nkun eżaltat, eħlisni Ġesù.

Mix-xewqa li nkun onorat, eħlisni Ġesù.

Mix-xewqa nkun imfaħħar, eħlisni Ġesù.

Mix-xewqa li nkun preferut fuq oħrajn, eħlisni Ġesù.

Mix-xewqa li nkun konsultat, eħlisni Ġesù.

Mix-xewqa li nkun approvat, eħlisni Ġesù.

Mill-biża’ li nkun umiljat, eħlisni Ġesù.

Mill-biża’ li nkun iddisprezzat, eħlisni Ġesù.

Mill-biża’ li nkun miċħud, eħlisni Ġesù.

Mill-biża’ li nkun kalunjat, eħlisni Ġesù.

Mill-biża’ li nkun minsi, eħlisni Ġesù.

Mill-biża’ li nkun redikolat, eħlisni Ġesù.

Mill-biża’ li nkun kuntrarjat, eħlisni Ġesù.

Mill-biża’ li nkun suspettat, eħlisni Ġesù.

Li oħrajn ikunu aktar maħbuba minni, Ġesù agħtini l-grazzja li nixtieq dan.

Li oħrajn ikunu stmati aktar minni, Ġesù, agħtini l-grazzja li nixtieq dan.

Li fil-fehma tad-dinja, oħrajn jogħlew u jien nitbaxxa, Ġesù agħtini l-grazzja li nixtieq dan.

Li oħrajn ikunu magħżula u jien nitwarrab, Ġesù agħtini l-grazzja li nixtieq dan.

Li oħrajn ikunu mfaħħra u jien minsi, Ġesù agħtini l-grazzja li nixtieq dan.

Li oħrajn ikunu preferuti minni f’kollox, Ġesù agħtini l-grazzja li nixtieq dan.

Li oħrajn isiru aktar qaddisin minni, sakemm jien inkun qaddis kif għandi nkun, Ġesù agħtini l-grazzja li nixtieq dan.