Studjat “il-mard spiritwali”; il-Papa b’rakkomandazzjonijiet

Il-ġimgħa li għaddiet fil-Bażilika tal-Lateran f’Ruma kien hemm tabib li ma kienx hemm biex ifejjaq il-mard fiżiku imma biex jgħin il-fejqan spiritwali. It-tabib ma kien ħadd ħlief il-Papa Franġisku.
Huwa rrakkomanda diversi modi kif id-djoċesi ta’ Ruma tista’ tindirizza “il-mard spiritwali” li tul din l-aħħar sena kien qed ikun studjat mill-parroċċi kollha ta’ Ruma.
Dan l-istudju ta żewġ riżultati. “L-ewwel li għarafna aħjar il-kundizzjoni tagħna ta’ persuni fil-bżonn li jeżistu f’kull parroċċa b’realtajiet ta’ mard spiritwali. It-tieni l-esperjenza li ħadna li meta għarafna l-verità tas-sitwazzjoni ma kienx hemm biss frustrazzjoni u qtigħ ta’ qalb imma l-għarfien li Alla ma waqafx juri ħniena magħna”.
Il-Papa qal li l-kura li kien se jissuġġerixxi setgħet tieħu ż-żmien, anke sa sena. “Id-dijanjosi tal-marda wriet b’mod ċar li l-parroċċi tagħna huma għajjiena u spiċċaw iduru tond magħhom infushom jew tilfu t-triq li jridu jsegwu.  Dawn it-tnejn huma ħżiena u jweġġgħu. Jew dħalna f’labirint jew qbadna toroq żbaljati”, qal il-Papa.
Il-mediċina li rrakkomanda tinkludi “rivoluzzjoni ħanina” li fiha niffukaw fuq in-nies minflok fuq il-limitazzjoni tal-istituzzjonijiet. Għalhekk irridu nibnu relazzjonijiet u l-mediċina li ppreskriva hi “kura pastorali”.
“Madankollu hemm bżonn li nħarsu lejn in-nies mhux lejna nfusna; ejja nkunu sfidati u ma nħossuniex skomdi”, qal il-Papa. “Fl-aħħar nispiċċaw b’xi ħaġa ġdida li jixtieq il-Mulej”.