Il-Papa jirkanta karrozza biex jgħin lill-Insara fl-Iraq

Il-Papa Franġisku ddeċieda li jirkanta karrozza sportiva Lamborghini li ngħata bħala rigal biex bil-flus miġbura jkun jista’ jgħin lill-Insara fl-Iraq.
L-irkant ta’ din il-karrozza, li minnha kienu mmanifatturati ftit mudelli biss, se jsir mid-ditta magħrufa internazzjonalment Sotherby u l-flus miġbura se jingħataw lill-organizzazzjoni pontifiċja Aid to Church in Need biex jinbnew mill-ġdid id-djar tal-Insara fil-Pjanura ta’ Nineveh fl-Iraq li nqerdu mill-ISIS.
Dan il-proġett għandu jgħin lil numru ta’ Nsara li kienu ħarbu minn djarhom fl-2014 biex jirritornaw lejn il-bliet u l-irħula tagħhom.
Alberto Mantovano u Alessandro Monteduro, President u Direttur rispettivament tal-Aid to Church in-Need tal-Italja, li qed imexxu l-proġett fl-Iraq, qalu li filwaqt li jiringrazzjaw lill-Papa għal dan il-ġest ta’ ġenerożità, assigurawh li l-flus li jinġabru se jużawhom biex kemm jista’ jkun Insara jirritornaw lura lejn Nineveh.
Il-preżentazzjoni tal-karrozza sportiva, bajda b’faxex sofor, saret f’Santa Marta, ir-residenza tal-Papa fil-Vatikan.
Din mhux l-ewwel darba li l-Papa Franġisku għen lill-Insara ppersegwitati fl-Iraq.
Is-sena li għaddiet kien ta €100,000 lill-Isptar San Ġużepp fl-Iraq fejn kienu qed ikunu kkurati mijiet ta’ refuġjati.
Fi stqarrija li ħarġu l-uffiċjali Taljani qalu li fil-laqgħa li kellhom mal-Papa meta offra l-karozza ġdida fjamanta għall-irkant, urewh l-ewwel riżultati tal-proġett tagħhom u ritratti tal-familji Iraqini li rritornaw lejn Nineveh.
Hum enfasizzaw, flimkien mal-Papa, li l-pjan li qed imexxu hu riżultat tal-progress sinjifikattiv fil-proċess ta’ rikonċiljazzjoni u maħfra u ta’ ftehim bejn il-knejjes lokali li s-saċerdoti u r-reliġjużi tagħhom qed jaħdmu flimkien biex jgħinu lill-Insara fl-Iraq. 
Irringrazzjaw lill-produtturi tal-karozza għall-għotja ġeneruża tagħhom lill-Papa, li għandha tkun ta’ eżempju għal kumpaniji oħra kbar li jixtiequ jgħinu lill-Insara li qed isofru.