Il-Papa jipproklama u jistabilixxi il-“Ħadd tal-Kelma t’Alla”

It-tielet Ħadd ta, matul is-sena se jkun Ħadd il-Kelma t'Alla

Nhar it-Tnejn li għadda, l-Papa Franġisku ppubblika Ittra Apostolika, fuq inizjattiva tiegħu, li biha stabilixxa li t-Tielet Ħadd tas-Sena liturġika ikun imfakkar bħala Il-Ħadd tal-Kelma t’Alla u jkun dedikat għaċ-ċelebrazzjoni, l-istudju u t-tixrid tal-Kelma t’Alla.

 Id-data ta’ din l-Ittra hi waħda sinjifikanti: it-30 ta’ Settembru li l-festa ta’ San Ġilormu, il-bniedem li ttraduċa l-Bibbja għal-Latin u li kien qal li “l-injoranza tal-Iskrittura hi injoranza dwar Kristu”.  Din is-sena taħbat l-1600 sena mil-mewt ta’ dan il-qaddis kbir.

It-titlu tal-Ittra Apostolika “Aperuit Illis” ukoll hu important. Dan il-kliem hu meħud mill-Evanġelju ta’ San Luqa meta jiddeskrivi kif Kristu Rxoxt deher lill-Appostli u kif “fetħilhom moħħhom biex jifħmu l-Iskrittura”.

Talba mill-insara

Il-Papa Franġisku filwaqt li fakkar fl-importanza li l-Konċilju Vatikan II jagħti lill-Iskrittura fil-ħajja tal-Knisja, qal li hu kiteb din l-Ittra Apostolika bi tweġiba għal diversi talbiet minn insara minn madwar id-dinja, biex ikun ċelebrat il-Ħadd tal-Kelma t’Alla.

Fl-Ittra l-Papa jiddikjara t-Tielet Ħadd ta’ matul is-Sena tal-Knisja bħala l-Ħadd taI-Kelma t’Alla u sostna li din din iċ-ċelebrazzjoni għandu “valur ekumeniku għax l-Iskrittura turi lil dawk li jridu jisimgħu, it-triq tal-għaqda awtentika u soda”.

Il-Papa Franġisku stieden lill-komunitajiet lokali biex isibu mod kif “ifakkru dan il-Ħadd b’sollennità”.  Issuġġerixxa li l-Kotba Sagri jitpoġġew f’post prominenti “biex tinġibed l-attenzjoni tan-nies fuq il-valur tal-Kelma t’Alla”. Biex tkun enfasizzata l-proklamazzjoni tal-Kelma t’Alla, ikun tajjeb “li fl-Omelija jkun enfasizzat il-qima li din għandha tingħata”.

“Il-kappillani jistgħu wkoll isibu mod kif jagħtu Bibbja jew wieħed mill-kotba tal-Bibbja lill-kongregazzjoni kollha biex juru l-importanza li wieħed jitgħallem kif għandu jaqra, japprezza u jitlob kuljum fuq l-Iskrittura Mqaddsa”.

 Il-Papa sotna li l-Bibbja m’hix intenzjonata għall-ftit privileġġjati. “Il-Bibbja hi ta’ dawk imsejjħa biex jisimgħu l-messaġġ tagħha u jagħrfu lilhom infushom fil-kliem tagħha”. Il-Bibbja m’għandhiex tkun monopolizzata jew ristretti għal xi gruppi magħżula għax hi “il-Ktieb tal-Poplu t’Alla, li meta jismagħha, jimxi mill-firda għall-għaqda”.

L-importanza tal-Omelija

Il-qassisin għandhom ir-responsabbiltà primarja li jispjegaw l-Iskrittur Mqaddsa u jgħinu lil kulħadd biex jifhimha”, kiteb il-Papa. Għalhekk, l-Omelija għandha “karattru kważi Sagramentali”. Il-Papa jwissi kontra Omeliji mprovizzati, twal jew pedantiċi u Omeliji li joħorġu mis-suġġett”.

Jissuġerixxi li fl-Omelija jintuża lingwaġġ sempliċi u adattat. Għal ħafna mill-insara “din hi l-unika opportunità li għandhom biex jifhmu s-sbuħija tal-Kelma t’Alla u japplikawha f’ħajjithom.”

Fl-Ittra tiegħu l-Papa, uża x-xena ta’ meta Kristu Rxoxt deher lill-Appostli f’Emmaus biex juri dak li hu jsejjaħ “ir-rabta bejn l-Iskrittura Mqaddsa u l-Ewkaristija”.  Billi l-Iskrittura l-ħin kollu titkellem dwar Kristu “dan jgħinna nemmnu li l-mewt u l-qawmien Tiegħu mill-imwiet, mhux xi ħlieqa imma verità storika u huma ċentrali għall-fidi tad-dixxipli Tiegħu”.

Meta s-Sagrament jkunu mdawwla bil-Kelma t’Alla, qal il-Papa, “dawn isiru b’mod aktar ċar il-milja ta’ process li bih Kristu jiftaħ l-imħuħ u l-qlub tagħna biex nagħrfu is-Salvazzjoni li ġibilna”.

Sehem l-Ispirtu s-Santu

“Is-sehem tal-Ispirtu s-Santu fl-Iskrittura hu ta’ importanza kbira”, kiteb il-Papa. “Mingħajr il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, jibqa’ r-riskju li nkunu limitati biss għal dak li hemm miktub. Dan jiftaħ it-triq għal qari fundamentalista – li għandna nevitaw – jekk ma rridux niċħdu l-karattru ispirat, dinamiku u spiritwali tal-kotba sagri”. Hu l-Ispirtu s-Santu “li jagħmel mill-Iskrittura il-Kelma ħajja ta’ Alla, esperjenzata u mogħtija fil-fidi lill-poplu qaddis  Tiegħu”.

Il-Papa Franġisku jistedinna biex inħallu lilna nfusna nikbru bil-Kelma t’Alla biex hekk nagħrfu u ngħixu b’mod sħiħ ir-relazzjoni tagħna Miegħu u ma’ ħutna.

L-Ittra  Apostolika tagħlaq billi l-Papa jiddefinixxi dak li hu jiddeskrivi bħala “l-isfida kbira li għandna f’ħajjitna: li nisimgħu l-Iskrittura Mqaddsa u nipprattikaw il-ħniena”. Il-Kelma t’Alla għandha l-qawwa li tiftħilna għajnejna u tgħinna nwarrbu l-individwaliżmu u minflok naqbdu triq ġdida tas-solidarjetà.