Il-Papa jinżel mill-popemobile biex jgħin pulizija li waqgħet minn fuq żiemel

Fi triqtu lejn l-ajruport biex jitlaq miċ-Ċilì lejn il-Perù, il-Papa Franġisku ordna lis-sewwieq tal-popemobile biex iwaqqaf il-vettura, u niżel personalment jara x’kien ġralha pulizija li kienet qed takkumpanjah fuq żiemel u waqgħet meta dan sfratta kif resaq qrin il-popemobile.
Kif il-Papa induna bl-inċident waqqaf il-vettura u niżel, u baqa’ fejn il-pulizija feruta sakemm wasal tim mediku biex jassistiha.
Il-pulizija baqgħet konxja u l-Papa qalilha xi kliem biex jikkunslaha.
Il-Papa kien għadu kif spiċċa quddiesa f’Iquique li saret fil-grawnd tal-Università Arturo Prat. 
Waqt l-omelija, Papa Franġisku seħaq fuq il-bżonn li nilqgħu lill-emigranti, tkellem dwar l-inġustizzji u l-esplojtazzjoni li dawn isofru u qal li “l-għajta tal-fqar għandha tiftħilna qalbna u tgħallimna nkunu attenti għall-ħtiġijiet tal-oħrajn”.
Mistoqsi mill-ġurnalisti biex jikkummenta dwar it-tlitt ijiem fiċ-Ċilì, qabel telaq lejn l-ajruport, il-Papa qal: “Jien ferħan ħafna. Kuntent ħafna biċ-Ċilì. Ferħan bikom ilkoll u x-xogħol li għamiltu. Iċ-Ċileni huma nies ospitabbli ħafna”.
Skont il-Vatikan madwar 50,000 persuna attendew għall-quddiesa f’Iquique u dawn taw merħba kbira lill-Papa meta dar madwar il-grawnd. In-nies kellhom brieret u umbrellel kuluriti biex jilqgħu għax-xemx tiżreġ.
Iquique hi waħda mill-aktar bliet fl-Amerika t’Isfel li laqgħet numru kbir ta’ emigranti minn pajjiżi oħra tal-Amerika Latina u l-Karibew partikolarment mill-Venezwela u Haiti.