Il-Papa jinvoka l-Awtorità tal-Maġisteru u jiddikjara li t-tibdil liturġiku hu irriversibbli

Il-ġimgħa li għaddiet, waqt li kien qed ikellem grupp ta’ esperti fil-liturġija, il-Papa Franġisku qal li wara t-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II u esperjenza twila aktar minn 50 sena “nistgħu naffermaw b’ċertezza u l-Awtorità tal-Maġisteru, li r-riforma liturġika hi irriversibbli”.
Elementi importanti tat-tibdil liturġiku li daħal wara l-Konċilju Vatikan II kienu li l-liturġija tkun ċelebrata bil-lingwa tal-post flok bil-Latin u enfasi aktar qawwija fuq il-parteċipazzjoni sħiħa, konxja u attiva tal-pubbliku.
Għalkemm il-Papa Franġisku jista’ jagħti l-impressjoni li l-kwestjonijiet liturġiċi ma tantx jinteressawh daqs il-predeċessuri tiegħu, f’din il-laqgħa għamel riflessjoni profonda ħafna fuq l-aspetti liturġiċi.
Il-Papa fakkar li l-moviment liturġiku tas-Seklu 20 beda riforma li għandha l-għeruq tagħha fit-tradizzjoni u bdiet minn żewġ Papiet meqjusa bħala konservattivi – Piju X li fl-1913 waqqaf Kummissjoni għat-Tiġdid tal-Liturġija, u Piju XII bl-enċiklika Mediator Dei.
Dan it-tibdil isaħħaħ bis-Sacrosanctum Concilium fl-1963.  Dan il-proċess għadu għaddej għax billi tibdel il-kotba tal-liturġija mhux biżżejjed biex tibdel mentalità.
Il-Papa appella lill-Kattoliċi – kemm saċerdoti kif ukoll lajċi – biex iwarrbu fermenti li jħabbtu u japplikaw b’mod sħiħ ir-riforma approvata mill-Isqfijiet li ħadu sehem fil-Konċilju.
Fil-ħajja tal-Knisja, il-battalji dwar il-prattika tal-liturġija ilhom sejrin minn wara l-Konċilju Vatikan II. 
L-Arċisqof Franċiż, Marcelle Lefebvre, kien ħoloq qasma mill-Vatikan għax ried iżomm il-quddiesa bil-Latin flok bil-lingwa tal-lokal. 
Fis-snin 90 il-Knisja fl-Istati Uniti għamlet dibattitu li dam sejjer 10 snin dwar it-traduzzjoni ta’ testi liturġiċi fl-Ingliż. L-istess jista’ jingħad għal dawk li għadhom iridu jiċċelebraw il-quddiesa b’daharhom lejn il-kongregazzjoni.
Il-Papa Franġisku qal li wara l-Konċilju, l-Isqfijiet riedu liturġija “ħajja”. Liturġija ħajja tpoġġi fiċ-ċentru lil Kristu, tinvolvi lill-poplu u sservi bħala skola ta’ ħajja Nisranija.
“Il-liturġija hi ħajja għax fiha hemm il-preżenza ta’ Alla li bil-mewt tiegħu qered il-mewt tagħna u meta rxoxta tagħna ħajja ġdida. Mingħajr il-preżenza t’Alla il-liturġija ma tkunx ħajja kif ma ħemmx ħajja fejn ma hemmx qalb tħabbat. Il-liturġija hi ħajja għax tinvolvi lin-nies u min-natura tagħha hi popolari u mhux biss klerikali għax hi azzjoni għan-nies, min-nies. Il-liturġija trid isservi bħala skola għall-ħajja billi titrasforma l-mod kif wieħed jaħseb u jgħix u mhux sempliċement timla borża ta’ ideat dwar Alla”.