Il-Papa jinsisti li l-Knisja tinħtieġ il-vokazzjonijiet

Papa Franġisku jilqa’ l-parteċipanti f’Kungress għall-Kura Pastorali tal-Vokazzjonijiet fl-Ewropa

Il-Papa Franġisku qal lill-parteċipanti f’Kungress dwar il-Kura Pastorali tal-Vokazzjonijiet fl-Ewropa biex ma jibżgħux jilqgħu l-isfida li jkomplu jipproklamaw il-vokazzjonijiet għall-ħajja konsagrata u s-saċerdozju.

Il-Kungress qed jiltaqa’ biex jimplimenta numru ta’ rakkomandazzjonijiet tas-Sinodu dwar iż-żgħażagħ, il-Papa sostna li l-Knisja tinħtieġ aktar vokazzjonijiet.

Huwa semma u tkellem dwar tliet affarijiet li huma għal qalbu ħafna fejn jidħlu l-vokazzjonijiet: il-Qdusija li hu ddeskriva bħala sejħa li tagħti sens il-ħajja kollha tal-individwu; il-komunjoni – il-ħamrija fertili għall-vokazzjonijiet fil-Knisja; u l-vokazzjoni nnifisha.

Il-Qdusija
Il-Papa fakkar lil dawk preżenti biex ma jinsewx li l-vokazzjoni hi vjaġġ għal tul il-ħajja. Din tibda fis-snin taż-żogħżija meta wieħed jiddeċiedi xi triq irid jieħu wara li jkollu s-sejħa minn Alla u tkompli meta nsiru adulti fejn tibda tħalli l-frott tad-dixxerniment li nkunu għamilna.

Hu qal li ħajjitna hi ntenzjonata biex tagħti l-frott u din hi s-sejħa għall-qdusija li Alla jindirizza lil kulħadd, kulħadd bil-mod partikolari tiegħu.
Il-Komunjoni

Dwar il-komunjoni l-Papa qal li l-kura pastorali trid tkun sinodali u tinvolvi “vjaġġ flimkien”.
Dan ifisser li rridu ngħixu f’għaqda akbar, b’rispett reċiproku u nagħtu valur is-sbuħija ta’ kull individwu u nemmnu li Kristu Rxoxt jista’ jagħmel għeġubijiet permezz tal-fraġilità u l-fergħat li huma parti mill-ħajja ta’ kulħadd.

L-għaqda fil-Knisja, kompla jgħid il-Papa għandha twassal għal aktar vokazzjonijiet u lmenta li l-fatt li kultant, fil-komunitajiet, fil-familji u fil-presbiterji, mentalitajiet mondani joħolqu diviżjonijiet u tfixkiel.

“Din hi parti mill-kultura tal-lum u l-istorja politika tormentata tal-Ewropa tista’ sservi bħala twissija jew bħala inċentiv”, qal Papa Franġisku filwaqt li sostna li hu biss jekk nagħrfu lilna nfusna bħala komunitajiet miftuħa, ħajja u inklussivi, inkunu lesti biex niffaċċjaw il-futur.

Vokazzjoni
Il-Papa għamel riflessjoni fuq il-kelma “vokazzjoni” u qal li din mhux kelma skaduta. Xi komunitajiet m’għadhomx jużaw din il-kelma fil-ħidma tagħhommaż-żgħażagħ għax jaħsbu li ż-żgħażagħ jintwerwru meta jisimgħu din il-kelma u ma jieħdux sehem fl-attivitajiet li jorganizzaw. “Iżda din l-istrateġija se tfalli”, insista l-Papa.

“X’għandna bżonn huma nisa u rġiel, lajċi u persuni konsagrati li huma tentużjażmati, imħeġġa bil-laqgħa tagħhom ma’ Kristu, mifdija fl-umanità tagħhomu kapaċi jipproklamaw f’ħajjithom il-ferħ li jiġi mill-vokazzjoni tagħhom”, qal il-Papa.

Foresta li tikber bil-mod
Il-Papa temm id-diskors tiegħu b’riferenza għall-kontribut prezzjuż ta’ dawk il-komunitajiet ta’ ħajja konsagrata li jiffurmaw parti mix-xibka kbira ta’ ħidma missjunarja u karitatevoli, tal-ħajja monastika fejn hemm miżrugħa l-għeruq tal-Ewropa u li qed ikompli jattiraw aktar .vokazzjonijiet; parroċċi li jaħdmu man-nies mimlija b’potenzjal evanġeliku; l-impenn ta’ ħafna qassisin, djakni, nisa u rġiel konsagrti u Isqfijiet li jaħdmu b’integrita u dedikazzjoni għas-servizz tat-tfal u ż-żgħażagħ. L-isforzi ta’ dawn, qal il-Papa Franġisku huma bħal “foresta li tikber bil-mod”.