Il-Papa jinnomina tliet nisa lajċi fil-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi

Il-Papa Franġisku ħatar tliet nisa bħala konsulturi għall-Kongregazzjoni għad-Dutrina tal-Fidi.
Din hi l-ewwel darba li nisa lajċi nħatru konsulturi attivi u mhux sempliċiment membri tas-segretarjat tal-Kongregazzjoni. L-Osservatore Romano qal li din hi deċiżjoni storika.
It-tliet konsulturi nisa huma:
Linda Ghisoni li twieldet fl-Italja fl-1965 li hi waħda minn tnejn li kienu nnominati bħala Sotto-Segretarji għad-Dikasteru tal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja s-sena li għaddiet. Hi avukat anzjan fil-Liġi Kanonika u serviet kemm bħala avukat kif ukoll bħala Mħallef fit-Tribunal tas-Sacra Rota ta’ Ruma u fil-Kongregazzjoni tal-Kult Divin u s-Sagramenti.
Wara li temmet l-istudji tagħha fil-filosofija u t-teoloġija fil-Ġermanja, kisbet dottorat fil-Liġi Kanonika mill-Università Pontifiċja Gregorjana ta’ Ruma. Hi kitbet ukoll diversi studji xjentifiċi dwar il-Liġi Kanonika.
Michelina Tenace, twieldet fl-Italja fl-1954 u hi professor u Kap tad-Dipartiment tat-Teoloġija Fundamentali fl-Università Pontifiċja Gregorjana ta’ Ruma. Hi tifforma parti miċ-Ċentru Aletti ta’ Ruma li hu marbut mal-Istitut Pontifiċju Orjentali mmexxi mill-Ġiżwiti li jinkoraġixxi studji dwar il-Kristjaneżmu Ewropew u jġib flimkien kulturi differenti mill-kontinent Ewropew.
Kienet waħda mis-sitt persuni li ffurmaw Kummissjoni maħtura mill-Papa fl-2016 biex tistudja l-proposta tan-nisa djakni u l-ministeru tagħhom fil-Knisja tal-bidu.
It-tielet mara nnominata hi Laetitia Calmeyn, imwielda l-Belġju u lajka kkonsagrata.
Tgħallem it-teoloġija fil-Kulleġġ Bernardins f’Pariġi u hi nfermiera speċjalizzata fil-kura paljattiva.  Hi ħadet Dottorat mill-Istitut Teoloġiku Pontifiċju Ġwanni Pawlu II.
Il-Papa nnomina wkoll żewġ saċerdoti bħala konsulturi għall-kongregazzjoni tad-Duttrina:
Fr. Sergio Paolo Bonanni li jgħallem it-teoloġija fl-Università Gregorjana u lill-Ispanjol Fr. Manuel Arroba Conde, imħallef iservi fid-djoċesi ta’ Ruma u Professur fl-Università Pontifiċja tal-Lateran u Kap tal-Istitut Utrisque Iuris tal-istess università li jispeċjalizza fir-relazzjoni bejn il-Liġi Kanonika u l-Liġi Ċivili.