Il-Papa jinkoraġixxi l-Missjunarji Afrikani ikomplu bil-ħidma

Il-Papa jitkellem ma' membri tal-Missjunarji tal-Afrika u jħeġġiġhom fil-ħidma tagħhom.

Il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-membri tas-Soċjetà tal-Missjonijiet fl-Afrika biex tippersevera fil-ħidma tagħha li taqdi vittmi tal-gwerra u t-traffikar uman filwaqt li assigurahom li qed ikompli jitlob għal wieħed minn sħabhom, Fr. Pierluigi Macalli li kien inħataf fin-Niger is-sena li għaddiet.

Is-Soċjetà tal-Missjonijiet fl-Afrika hi Ordni ta’ saċerdoti missjunarji li jaqdu lill-Kattoliċi f’diversi pajjiżi Afrikani, ħafna drabi f’żoni rurali u lil komunitajiet ta’ nies ta’ oriġini Afrikana f’inħawi oħra tad-dinja. Bħalissa qed issir l-Assemblea Ġenerali ta’ din il-kongregazzjoni.

Żelu Missjunarju

Il-Papa rringrazzja lill-membri tal-kongregazzjoni “għall-ħidma kbira tagħhom ta’ evanġeliżazzjoni” f’postijiet fejn il-komunitajiet insara għadhom fraġli u għall-attenzjoni speċjali li jagħtu lill-emigranti.

“Dawn l-orizzonti pastorali ġodda huma sinjal ta’ vitalità tal-Ispirtu s-Santa li taħdem fikom”, qalilhom il-Papa. Huwa faħħar iż-żelu missjunarju kuraġġjuż tagħhom li hu mfassal fuq l-eżempju tal-fundaturi tagħhom: is-Serv t’Alla Melchior de Marion Bresillac u Fr. Augustin Plangque.

Hu talab flimkien mal-missjunarji għal seħibhom il-missjunarju Taljan Fr. Pierlugi Maccalli li kien inħataf mill-parroċċa tiegħu fin-Niger f’Settembru tas-sena l-oħra u qalilhom li “nixtieq nassigurakom mit-tħassib u l-attenzjoni li s-Sant Sede dwar is-sitwazzjoni ta’ tħassib tiegħu”.

Qadi lill-vulnerabbli

Skont l-agenzija “Vatican News”, il-Papa sejjaħ lil din il-Kongregazzjoni li għandha wkoll fergħa tas-Sorijiet u oħa tal-Lajċi bħala “familja ferħana li qed tikber grazzi għall-vokazzjonijiet numerużi mill-Afrika u l-Asja.

“Nappellalkom biex tipperseveraw fl-isforzi tagħkom li taqdu lit-tfal, persuni vulnerabbli, vittmi tal-gwerer, tal-mard u tat-traffikar uman. L-għażla favur dawn tal-aħħar – li s-soċjetà tarmi u twarrab – hu sinjal li juri b’mod konkret il-preżenza ta’ Alla tal-Ħniena”, qalilhom il-Papa.

Huwa stieden lil dawn il-missjunarji biex jagħtu każ u jaħdmu mal-fqar “permezz tal-kultura tadl-djalogu u l-laqgħa” u ħeġġiġhom jagħmlu l-kuraġġ u jiftħu toroq ġodda li juru l-kobor ta’ Alla.

“Ibqgħu fidili għall-għeruq tagħkom. Intom imsejjħa bħala familja biex tagħtu xhieda ta’ Kristu Rxoxt permezz tal-imħabba li tgħaqqadkom flimkien u bil-ferġ kbir ta’ ħajja komunitarja awtentika”, temm jgħid Papa Franġisku.