Il-Papa jinkoraġixxi edukazzjoni ffukata fuq il-persuna umana u l-ambjent

L-udjenza tal-Papa Franġisku ma’ membri tal-Fondazzjoni”Ċans fil-Ħajja” (Vatican Media)

Il-Papa Franġisku nhar it-Tnejn iltaqa’ ma’ membri u sostenituri tal-organiżazzjoni “Ċans fil-Ħajja” li twaqqfet fl-1945 bl-iskop li taqdi żgħażagħ żvantaġġati madwar id-dinja, permezz tal-edukazzjoni u inizjattivi oħra.

Din il-fondazzjoni tmexxi dawk li huma magħrufa bħala “Bliet għas-Subien u l-Bniet” li huma mifruxa madwar id-dinja kollha.

It-tmiem tat-Tieni Gwerra dinjija, ħalla fl-Italja numru kbir ta’ tfal orfni u vulnerabli, jiġru mat-toroq tal-pajjiż. Qassis Irlandiż, Mons. John Patrick Carroll-Abbing ġietu l-idea li joħloq dawk li huma magħrufa bħala “Bliet tat-Tfal” li jgħallmuhom u jagħtuhom il-ħiliet meħtieġa biex ikunu protagonisti ta’ ħajjithom stess.

L-organiżazzjoni llum hi magħrufa bħala “Ċans fil-Ħajja” u qed tmexxi l-viżjoni tal-fundatur tagħha li espandietha għad-dinja kollha.  Illum hemm “Bliet għas-Subien u l-Bniet” fl-Etijopja, l-Indja, il-Bolivia, il-Colombia, Guatemala u l-Peru.

Flimkien ma’ msieħba lokali, il-Fondazzjoni qed taqdi aktar minn 1,000 tifel u tifla li jgħixu f’komunitajiet foqra. Fl-Italja, fost inizjattivi oħra li tieħu, il-Fondazzjoni issa qed takkumpanja wkoll refuġjati żgħażagħ li jasslu fil-pajjiż bħala minuri mhux akkumpanjati.

Inkoraġġiment mill-Papa

Meta kellem lill-membri ta’ din il-Fondazzjoni, il-Papa Franġisku fakkar kif dawn l-inizjattivi “Joffru lit-tfal u l-adolexxenti f’sitwazzjonijiet ta’ tbatija partikolari, ċans biex jegħlbu dawn id-diffikultajiet u jaslu għall-pjan li Alla ħejja għal kull wieħed u waħda minnhom”.

Il-Papa rringrazzja lil dawk li jappoġġjaw din l-organiżazzjoni u faħħar “it-tradizzjoni twila ta’ impenn fis-servizz tal-persuni żvantaġġjati permezz ta’ metodoloġija edukattiva li  tgħin lit-tfal isiru sidien tagħhom infushom u jmexxu huma stess “il-Belt” tagħhom skont il-viżjoni tal-fundatur Mons. Carroll-Abbing.

Ispirazzjoni mill-Laudato sì

Il-Papa żied jgħid li “b’fedeltà kreattivà għall-kariżma oriġinali tagħha, il-Fondazzjoni qed tagħmel sforz biex tkun aktar inċisiva u effettiva fil-missjoni tagħha fid-dinja li dejjem toffri sfidi edukattivi ġodda”.

Il-mexxej tal-Knisja qal li jieħu gost isir jaf li dawn l-isforzi tal-Fondazzjoni huma ispirati mir-rakkomandazzjonijiet li hemm fl-enċiklika Laudato Si, f’isem ekoloġija integrali maħsuba li tiżviluppa lil kull individwu u lid-dinja ta’ madwarna.

Il-Papa Franġiskusemma l-bżonn li jkunu mħarrġa ġenerazzjonijiet ġodda ta’ ċittadini attivi li jaħdmu favur il-pesuna umana u l-ambjent. Hu rrikonoxxa li biex jintlaħqu dawn il-miri hemm bżonn ukoll tal-innovazzjoni teknoloġika u qal li jekk ikunu motivati tajjeb iż-żgħażagħ ikunu kapaċi jilħqu dawn il-miri għax ikunu “twieldu u trabbew fid-dinja teknoloġika mgħaġġla tal-lum”.