Il-Papa jinawgura Ċentru ta’ Kura qrib Pjazza San Pietru

Il-Papa Franġisku jinawgura ċentru ġdid għall-foqra, qrib il-Vatikan.

Nhar il-Ġimgħa li għadda l-Papa Franġisku żar u inawgura Ċentru ta’ Kura li se jkun miftuħ matul il-jum u bil-lejl biex jilqa’ fih persuni li jinħtieġu għajnuna.

Iċ-ċentru jinsab f’Palazzo Migliori, ftit metri biss bogħod minn Pjazza San Pietru u se jitmexxa mill-Komunità Sant’Egidio.

Malli wasal fiċ-Ċentru, l-Qdusija Tiegħu kien milqugħ mill-Kardinal Konrad Krajewski li hu nkarigat biex jagħmel karità f’isem il-Papa, minn Mons. Nunzio Galantino, il-Professur Andrea Riccardi u l-Professur Marco Impagliazzo, fudatur u president ta-Komunità Sant’Egidio.

Il-pjan terren tal-Palazz, li l-Papa daħal jara mal-wasla tiegħu hu maħsub li jservi bħala sala li tilqa’ n-nies matul il-ġurnata u hu mgħammar bi kwadri ta’ pittura moderna.

Il-Papa mbagħad tela’ fl-ewwel sular u daħal fil-kappella li hi dedikata lil San Ġorġ, fejn għamel xi mumenti jitlob.  Meta kkummenta dwar is-sbuħija taċ-ċentru, il-Papa rrimarka li “Is-sbuħija tfejjaq”!.

Wara hu tela’ fit-tielet sular, li se jkun qed joffri kenn u saqaf lir-residenti u niżel fit-tieni sular li se jservi bħala refitorju għall-ikel.  Il-Papa Franġisku poġġa madwar mejda flimkien ma’ xi resident li diġà daħlu jgħixu fil-post u ma’ xi voluntiera li qed jagħtu s-servizz tagħhom fiċ-ċentru.

Fost il-voluntiera hemm xi persuni li kienu jgħixu fit-toroq ta’ Ruma qrib il-Vatikan u li issa sabu dar permanenti u huma stess qed jgħinu bħala voluntiera f’din l-istruttura. Waqt li kien qed jitkellem magħhom, il-Papa tkellem dwar “il-kultura tal-ħala” u l-bżonn li niskopru mill-ġdid sens ta’ responsabbiltà lejn l-ifqar fost il-fqar.

Il-Papa Franġisku sema stejjer minn xi voluntiera li għal ħafna snin kienu jwasslu l-ikel lil nies jgħixu fit-toroq u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom biex jorganizzaw il-funeral meta xi ħadd minn dawn in-nies imut.

Fl-aħħarnett il-Papa fakkar lil dawk li kien qed jitkellem magħhom, li meta kien għadu żgħir kellhom drawwa li waqt l-ikel iħallu platti bl-ikel lesti, partikolarment il-Ħadd u f’jiem ta’ festa, għal dawk fil-bżonn.  Hu enfasizza fil-ħtieġa li nedukaw liż-żgħażagħ biex juru kumpassjoni.