Il-Papa jiltaqa’ u jitlob ma’ 70,000 żagħżugħ fi pjazza ewlenija f’Ruma

Illejla, il-Papa Franġisku mistenni jinżel fil-post magħruf bħala Circus Maximus f’Ruma fejn se jiltaqa’ ma’ madwar 70,000 żagħżugħ u żagħżugħa biex jitolbu u jitkellmu flimkien u wara jkun hemm spettaklu ta’ mużika u divertiment.

Din il-laqgħa se ssir bħala parti mit-tħejjijiet li l-Konferenza Episkopali Taljana qed torganizza bi preparazzjoni għas-Sinodu dwar iż-Żgħażagħ.

Tfajla Taljana ta’ 30 sena, f’isem sħabha preżenti se tagħti merħba lill-Papa kif jasal fil-pjazza u tagħti spjegazzjoni tar-rigal li se jingħata lill-Papa fi tmiem id-diskors tagħha.

Wara jibda djalogu bejn il-Papa u ż-żgħażagħ billi tliet persuni jagħmlu domandi lill-Qdusija Tiegħu u hu jagħti t-tweġibiet għalihom.

L-ewwel domanda se jagħmluha Letizia ta’ 23 sena u Lucamatteo ta’ 21 sena li se jistaqsu lill-Papa Franġisku dwar il-ħolm u kif wieħed jista’ jibni identità unika.

Martina, tfajla ta’ 24 sena, se tistaqsi dwar l-importanza tad-dixxerniment fil-ħajja u dwar l-impenn u r-responsabbiltà lejn id-dinja u l-ambjent, filwaqt li Dario li għandu 27 sena u jaħdem bħala infermier fil-kura paljattiva se jistaqsi dwar il-fidi.

Wara li l-Papa Franġisku jwieġeb għal dawn id-domandi, tfajla li tilfet riġlejha t-tnejn f’inċident, Nicoletta Tinti, se tkun introdotta lill-Papa u tkanta kanzunetta. Hawnhekk tibda velja ta’ talb.

Kif tispiċċa l-velja, il-Papa Franġisku jirritorna lejn il-Vatikan u hawn jibda spettaklu mużikali ta’ sagħtejn bil-parteċipazzjoni ta’ diversi kantanti u gruppi popolari.

L-għada filgħodu dawn iż-żgħażagħ se jmorru fi Pjazza San Pietru għal quddiesa fil-beraħ.  Il-Konċelebrazzjoni Ewkaristika se tkun preseduta mill-Kardinal Gualtiero Bassetti, President tal-Konferenza Episkopali Taljana.