Il-Papa jiltaqa’ mal-President tal-Microsoft

Il-Papa Franġisku ltaqa’ mal-President tal-Microsoft Brad Smith fl-laqgħa privata llum waranofsinhar. Dan qalu d-Direttur temporanju tal-Uffiċċju tal-Midja tal-Vatikan, Alessandro Gisotti.

Smith kien akkumpanjat mill-President tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja Vincenzo Paglia.

Waqt il-laqgħa ġiet diskussa l-intelliġenza artifiċjali u kif din tista’ tkun ta’ benefiċċju għal ġid kommuni kif ukoll attivitajiet li huma mmirati biex jkunu ta’ pont bejn dawk li għandhom l-għarfien teknoloġiku u dawk li ma għandhomx.

Fl-aħħar tal-laqgħa l-Papa ġie nfurmat li l-kumpanija Microsoft flimkien mal-Akkademja se jkunu qed jippromovu rikonoxximent internazzjonali għall-etika fl-intelliġenza artifiċjali. L-Akkademja għażlet l-intelliġenza artifiċjali bħala t-tema għall-Assemblea Plenarja tal-2020.

Il-plenarja se ssir nhar 25-27 ta’ Frar 2019 u se titlaqqa’ fil-Vatikan. Waqt il-plenarja se tiġi diskussa l-etika fir-robotika bl-isem ta’ ‘Roboethics: Humans, Machines and Health’. L-Assemblea Plenarja tal-2020 se tkun qed tiffoka fuq l-intelliġenza artifiċjali.