Il-Papa jiltaqa’ mal-President Palestinjan

Andrew Medichini/Pool via Reuters

Il-Papa Franġisku ltaqa’ mal-President Palestinjan Mahmoud Abbas fl-ewwel laqgħa li saret minn wara li l-Istati Uniti mexxew l-ambaxxata għal Ġerusalem. Il-Vatikan wera tħassib tiegħu dwar l-istat ta’ Ġerusalem.

Il-Papa u Abbas kellhom laqgħa privata li damet 20 minuta hekk kif laqgħa lil Abbas fil-librerija tal-Palazz Apostoliku fil-Vatikan.

Fi stqarrija il-Vatikan qal li Ġerusalem jingħata attenzjoni partikolari minħabba l-importanza tiegħu u l-valur universali tal-Belt Imqaddsa għat-tliet reliġjonijiet b’referenza għall-Kristjaneżmu, il-Ġudaiżmu u l-Iżlam.

Is-sena l-oħra l-President Amerikan Donald Trump kien irrabja lid-dinja Għarbija hekk kif mexxa l-ambaxxata Amerikana lejn Ġerusalem u rrikonoxxa il-belt bħala l-kapitali tal-Iżrael.

Il-Palestinjani jixtiequ li l-Lvant ta’ Ġerusalem tkun il-belt kapitali tal-futur stat indipendenti tal-Palestina filwaqt li l-Iżrael trid il-belt magħquda.

Il-Papa kien talb lill-pajjiżi kollha biex jirrispettaw ir-riżoluzzjonijiet ta’ Nazzjonijiet Uniti dwar Ġerusalem.