Read in English.
Il-Papa Franġisku ltaqa’ mal-President ta’ Malta George Vella waqt udjenza privata fil-Vatikan. Fost l-oħrajn iddiskutew l-immigrazzjoni, l-valuri reliġjużi fil-kultura u fil-ħajja tal-Maltin u fuq il-ħarsien tal-ambjent. Il-President qal li meta tkellem mal-Papa ħassu qed jitkellem ma’ xiħadd li jifhem il-problema tal-immigrazzjoni, speċjalment peress li din ma tiddependix fuq Malta biss.
Fi stqarrija, is-Sala Stampa tas-Santa Sede qalet li Vella ltaqa’ wkoll mas-Segretarju għall-Istat, il-Kardinal Pietro Parolin fil-preżenza tal-Arċisqof-Elett Antoine Camilleri. Mons. Camilleri bħalissa huwa s-sotto-segretarju tas-Santa Sede, responsabbli mir-relazzjonijiet mal-istati.
Il-Papa Franġisku u Dr Vella tkellmu wkoll dwar il-kontribut li tagħti l-Knisja fil-qasam tal-edukazzjoni.
“Persuna tassew qrib il-poplu” – Il-President dwar il-Papa
F’kumment wara l-udjenza mal-Papa, il-President Vella esprima sodisfazzjon għal-laqgħa li kellu u ddeskriva lill-Papa bħala persuna tassew qrib il-poplu. Il-President Vella qal li ħassu qed jitkellem ma’ xi ħadd li jaf u li jifhem sew il-ħajja u l-kultura tal-poplu Malti.
Wara l-laqgħa, mart il-President, is-Sinjura Miriam Vella flimkien ma’ wliedu – Claire, Elaine u George, kif ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u s-Sinjura Bartolo, u d-delegazzjoni kollha Maltija kellhom l-opportunità li wkoll jiltaqgħu mal-Papa Franġisku. Il-President Vella ġedded l-istedina biex il-Papa Franġisku jżur Malta.
Fi tmiem din l-udjenza privata, sar l-iskambju tar-rigali. Il-President, f’isem il-poplu Malti ppreżenta lill-Papa kwadru tal-Madonna ta’ Pinu magħmul b’teknika tal-mużajk kontemporanju miċ-ċentru arti liturġika Eikon tad-Djoċesi ta’ Għawdex.
Il-President qal li l-Kardinal Parolin wera apprezzament għal kif Malta qed tindirizza l-kwistjoni tal-immigrazzjoni fl-aħħar snin.