Il-Papa jiltaqa’ maċ-Chairman tat-Tmexxija Kolleġjali tal-Bosnia Herzegovina

Il-Papa jiltaqa' ma' Milorad Dodik, mexxej attwali tal-Bosnia Herzegovine

Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa l-Papa laqa’ fil-Vatikan lil Milorad Dodik, Chairman tal-Presidenza Kolleġġjali tal-Bosnia Herzegovina u kellhom diskussjonijiet kordnali fejn esprimew sodisfazzjoni għar-relazzjonijiet bilaterali tajba bejn iż-żewġ stati u l-preżenza tal-komunità Kattolika fil-pajjiż.

Komunikat tas-Santa Sede qal li l-Papa u Dodik tkellmu dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż u l-isfidi ekonomiċi u soċjali li qed tiffaċċja l-Bosnia.

Rikonċiljazzjoni

Iż-żewġ mexxejja “insistew fuq il-ħtieġa li tkun garantità il-parità u r-rikonċiljazzjoni bejn il-popli fil-pajjiż. Huma enfassizzaw l-importanza tad-djalogu u r-rispett reċiproku fil-qasam istituzzjonali biex tingħeleb il-firda u tinkiseb il-paċi vera”.

Id-diskussjoni mbagħad daret fuq temi ta’ interess reċiproku fil-qasam internazzjonali b’riferenza partikolari għat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea u l-ftuħ lejn il-Balkani.

Wara l-laqgħa mal-Papa Franġisku, Milorad Dodik kellu laqgħa mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin u ma’ Mons. Antoine Camilleri, Sotto Segretarju għar-Relazzjonijiet tal-Vatikan mal-istati.

Żewġ stati

Minn meta ntlaqa il-Ftehim ta’ Dayton fl-1995 li permezz tiegħu spiċċat il-gwerra ċivili, dik li kienet il-Yugoslavia llum hi maqsuma f’żewġ stati. Dawn huma il-Federazzjoni Bosiaka-Kroata tal-Bosnia Herzegovina, u r-Republika Bosniaka Serba.

Il-Presidenza hi magħmula minn tliet membri: wieħed Bosniaku, ieħor Kroat u l-ieħor Serb. Dawn ikunu eletti b’vot popolari għal terminu ta’ erba’ snin. L-aktar wieħed li jikseb voti jsir iċ-Chairman.  Iċ-Chairman jinbidel kull tmien xhur bejn it-tliet membri.