Il-Papa jiltaqa’ ma’ Denis Mukwege, rebbieħ tan-Nobel għall-Paċi

Il-Papa Franġisku u Denis Mukwege fil-laqgħa barra l-Vatikan

Il-ġimgħa li għaddiet il-Papa Franġisku ltaqa’ ma’ u feraħ lil Denis Mukwege, ir-rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi tal-2018.

Denis Mukwege, hu ġinekologu li jaħdem fl-Isptar Panzi f’Bukavu, post fin-nofsinhar tar-Republika Demokratika tal-Kongo li għen eluf ta’ nisa vjolentati f’sitwazzjoni fejn la hemm gwerer u anqas paċi imma hemm impunità kbira.

Fl-2012, kellu jfittex refuġju fl-Ewropa wara li skansa minn attakk li sar fuqu wara li kkundanna lil dawk li kienu qed iwettqu l-vjolenza fir-reġjun. Iżda sena wara reġa’ rritorna lejn il-Kongo biex ikompli bil-ħidma tiegħu.

Il-Papa jaf bil-problemi tal-Kongo

“Il-Papa jaf sew bil-problemi ta’ pajjiżi”, qal it-tabib lill-Vatican News wara l-laqgħa mal-Papa Franġisku. Mukwege qal li hu “jaqbel mal-prinċipji li jiddefendi l-Vatikan, fosthom ir-rispett għad-dinjità umana” u jittama li dawn il-valuri li llum qed jintilfu, jkunu mgħallma  kullimkien.

Hu appella għal dinjità ugwali bejn in-nisa u l-irġiel: “Is-soċjetà tagħna fil-Kongo ma tistax timxi ‘l quddiem jekk il-mara ma tingħatax il-post li jixirqilha. Dan hu meħtieġ kemm fl-Afrika kif ukoll fid-dinja kollha”.

Mukwege tkellem ma’ Vatican News dwar l-istorja tiegħu bħala ġinekologu: “Għal aktar minn tmien snin fejn “għext” fit-teatru tal-operazzjonijiet fejn ħadt ħsieb ommijiet u wlied… is-sitwazzjoni ma kinitx aċċettabbli aktar għalija. Għalhekk tlaqt biex nipprova nġib id-dinja konxja minn dak li kien qed jiġri fil-Kongo”.

20 sena martirju

“Ir-Republika Demokratika tal-Kongo għaddiet minn 20 sena martirju. Mietu aktar minn sitt miljun persuna f’massakri jew bil-ġuħ jew b’nuqqas ta’ kura medika. Sitt miljun persuna hu numru enormi! U mijiet ta’ eluf ta’ nisa sofrew il-vjolenza… din hi sitwazzjoni gravi ħafna”, żied jgħid ir-rebbieħ tan-Nobel.

Mukwege rebaħ il-Premju Nobel għall-Paċi s-sena li għaddiet flimkien ma’ Nadia Murad li għexet u salvat mill-ġenoċidju tal-Yazidis. It-tnejn kienu ppremjati għall-isforzi tagħhom biex iwaqqfu l-użu tal-vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra.

Denis Mukweges rebaħ ukoll il-Premju Sakharov fl-2014 liema premju jingħata mill-Parlament Ewropew. Fiċ-ċerimonja tal-premjazzjoni kien qal li “F’dinja fejn il-valuri qed jinqalbu, li tirrifjuta l-vjolenza jfisser li tkun dissident”.