Il-Papa jiltaqa’ ma’ Angela Merkel dil-ġimgħa

Il-Papa Franġisku mistenni jiltaqa’ mal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel f’udjenza privata nhar is-Sibt li ġej.
Din mhix l-ewwel darba li l-Papa ltaqa’ mal-Kanċillier. Fost l-oħrajn kien iltaqa’ magħha fi Frar ta’ sentejn ilu.
Dakinhar il-Papa kien laqa’ lill-Kanċillier għal 40 minuta, u tkellmu dwar il-kunflitt bejn l-Ukrajina u r-Russja, il-ġlieda kontra l-faqar u l-kriżijiet internazzjonali.
Merkel kienet iddeskriviet l-iskambju tagħha mal-Papa bħala wieħed rikk.
Sadanittant, il-ġimgħa fil-Vatikan tibda llum bl-20 laqgħa bejn Franġisku u l-Kunsill tal-Kardinali. Mifruxa fuq tlitt ijiem, il-Papa mistenni jkun preżenti kuljum, biex l-Erbgħa jwassal il-katekeżi ta’ kull ġimgħa mill-Pjazza ta’ San Pietru.
Il-Ħamis, Corpus Christi, mhux se ssir il-purċissjoni tradizzjonali. Minflok se ssir il-Ħadd, u għalkemm Franġisku se jagħti l-barkiet tal-bidu u tal-aħħar, mhux se jipparteċipa fil-purċissjoni minħabba problemi fi rkupptejh.