Il-Papa jilqa’ lill-President tal-PE f’udjenza privata

Papa Franġisku laqa’ għandu lil Martin Schultz, il-President tal-Parlament Ewropew, f’udjenza privata.
Il-laqgħa kienet okkażjoni biex il-Papa u Schultz jitkellmu dwar iż-żjara ta’ Franġisku fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu x-xahar li ġej.
Iż-żewġt irġiel iltaqgħu darb’oħra sena ilu, meta Schultz ippreżenta kopja ta’ pubblikazzjoni tiegħu dwar l-indirizz ta’ Papa Ġwanni Pawlu II fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew fl-1988.
Kien dakinhar li l-president attwali stieden lill-Papa Franġisku għal żjara oħra, li l-Papa aċċetta mill-ewwel.
Mingħajr ma żvela dettalji, Schultz qal li mal-Papa ddiskuta kif se tiżvolġi l-laqgħa fil-Parlament Ewropew, u li hu ddeskriva bħala "mument eċċezzjonali" għal din l-istituzzjoni.