Il-Papa jilqa’ lill-immigranti u jżur sinagoga

Il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-immigranti u lir-refuġjati biex ma jħallux l-isfidi tal-ħajja jisirqulhom il-ferħ u t-tama.
Waqt li kien qed jindirizza l-folla fi Pjazza San Pietru, fil-jum iddedikat lill-Immigranti, il-Papa qalilhom li l-preżenza tagħhom hi sinjal tat-tama t'Alla.
Talab ukoll għall-vittmi tal-attakki f'Jakarta u f'Burkina Faso.
B'referenza għall-Vanġelu tal-Ħadd, tal-miraklu fit-tieġ ta' Kana, il-Papa Franġisku fakkar li l-miraklu mhuwiex biss tal-miżżewġin, iżda ta' kull persuna li hi msejħa biex tiltaqa' m'Alla matul ħajjitha.
Kompla billi ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jagħmlu post għal Ġesù fil-qalb tagħhom.
Il-Papa għamel ukoll żjara fis-sinagoga ta' Ruma, bħala turija tal-ħbiberija bejn ir-reliġjon Kattolika u Lhudija.
Hu t-tielet Papa biex jagħmel żjara lir-Rabbini. Waqt din il-laqgħa, il-Papa Franġisku fakkar it-traġedja tal-Olokawst.
Spjega li l-passat irid ikun ta' tagħlima kemm għall-preżent kif ukoll għall-futur, u li l-ħarsien tad-dinjità umana u tal-paċi dejjem trid tiġi l-ewwel.
Temm billi qal li l-għeruq Insara huma dawk tal-Lhud, u li l-ħbiberija bejn iż-żewġ reliġjonijiet għad trid tkompli tikber, bl-istess mod li kibret f'dawn l-aħħar ħamsin sena.