Il-Papa jilqa’ 70,000 abbati minn madwar id-dinja

Il-Papa Franġisku jkellem xi abbatini fil-Pjazza San Pietru

Nhar it-Tlieta li għadda, l-Papa Franġisku laqa’ madwar 70,000 żagħżugħ u żagħżugħa fl-età bejn it-13 u t-23 sena minn 19-il-pajjiż differenti li dak li hemm komuni bejniethom hu li huma abbatini.

L-abbatini jinsabu f’Ruma għat-12 il-Pellegrinaġġ Internazzjonali tal-Abbatini li jibqa’ sejjer sal-4 ta’ Awwissu u hu sponsorjat mill-Coetus Internationalis Ministrantium (C.I.M.)

Ic-C.I.M. hi assoċjazzjoni internazzjonali tal-abbatini subien u bnied li tgħaqqad fiha abbatini minn diversi pajjiżi u djoċesijiet li jwettqu din il-ħidma pastorali fi ħdan il-Knisja Kattolika Rumana.

L-attività ewlenija tac-C.I.M. hi li tornaizza dan il-pellegrinaġġ internazzjonali li jsir kull erba’ snin f’Ruma u joffri l-possibbiltà li abbatini subien u bniet minn madwar id-dinja jiltaqgħu flimkien.

Il-Papa Franġisku ta merħba lil dawn iż-żgħażagħ u qalilhom li kien qed jammirahom li minkejja s-sħana kbira li kien hemm, marru jarawh xorta waħda.

“Nieħu gost narakom f’numru hekk kbir hawn fi Pjazza San Pietru, kollkom kuluri u  banners. Grazzi talli tajtuni bħala rigal, l-emblemi tal-pellegrinaġġ tagħkom.

“Jien ukoll pellegrin magħkom. Intom ġejtu minn diversi pajjiżi imma lkoll kemm aħna għandna xi ħaġa li tgħaqqadna – il-fidi fi Kristu. Qed nagħmlu vjaġġ flimkien miegħu li hu l-paċi tagħna”.

Il-Papa mbagħad irringrazzja lill-Isqof Nemet, President tal-Assoċjazzjoni tal-Abbatini u mbagħad stieden lill-abbatini għal sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba.