Il-Papa jilmenta minn emoraġija ta’ vokazzjonijiet fl-Italja

italian_bishops

F’laqgħa li kellu mal-Konferenza Episkopali Taljana fil-bidu tal-ġimgħa il-Papa Franġisku identifika tliet problem li qed iħassbuh. Fosthom qal li hemm emoraġija ta’ vokazzjonijiet, il-faqar u trasparenza evanġelika u l-bżonn li jkunu konsolidati id-djoċesijiet fl-Italja.
Dwar il-vokazzjonijiet il-Papa ma qagħadx idur mal-lewża. “Kemm knejjes u kunventi kellhom jagħlqu f’dawn l-aħħar snin minħabba nuqqas ta’ vokazzjonijiet? Alla biss jaf!”
Il-kriżi fil-vokazzjonijiet ġejja minn diversi fatturi fosthom “kultura ta’ relattiviżmu”, id-“dittatura tal-flus” u “inverżjoni demografika” fejn il-familji qed ikollhom inqas tfal. Hemm ukoll l-iskandli fi ħdan il-Knisja u “xhieda dgħajfa” li jagħtu xi qassisin u anke Isqfijiet.
“Hi x’inhi r-raġuni jibqa’ l-fatt li mhux qed jirnexxielna nħajjru numru adegwat ta’ vokazzjonijiet” qal il-Papa li kien pront jissuġerixxi pass prattiku biex tittaffa s-sitwazzjoni: id-djoċesijiet Taljani għandhom ikunu ġenerużi u jaqsmu r-riżorsi li għandhom bejn kulħadd.” Għandna bżonn sistema ta’ ‘fidei donum’  fejn djoċesijiet li għandhom numru sostanzjali ta’ saċerdoti jibgħatu numru minnhom jaħdmu fi djoċesijiet oħra b’missjoni”.
Illum, din is-sistema qed taħdem bil-maqlub ta’ kif kienet maħsuba oriġinarjament. Illum huma l-pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw li qed jibgħatu saċerdoti jaħdmu fil-pajjiżi tal-Punent fejn hemm nuqqas ta’ saċerdoti.
Dwar il-faqar, Papa Franġisku qal lill-Isqfijiet Taljani b'idea li kien ħa meta kien għadu fil-formazzjoni ta’ ġiżwita.
Il-faqar hu l-“omm” u l-“ħajt” tal-ħajja apostolika għax jgħinha nikbru u jipproteġina.  “Ma nistgħux nitkellmu dwar il-faqar jekk ngħixu ħajja tal-Farawni. B’ħajja ta’ lussu nkunu qed nagħtu eżempju ħażin”, widdeb il-Papa.
“Hu skandaluż ferm li ma nkunux trasparenti fejn tidħol l-amministrazzjoni tal-flus jew nużaw il-flus tal-Knisja qishom kienu flusna.” Spjega li jrid ikollna reġoli ċari li jgħoddu għal kulħadd fejn tidħol l-amministrazzjoni tal-flus għax xi darba rridu nagħtu kont.
 Il-Papa qal li fl-Italja hemm 217 il-djoċesi. Hemm esiġenza pastorali li dawn jonqsu, ħaġa li kien diġa’ semma l-Papa Pawlu Vi fl-1964. “Irridu naraw jekk il-ġurisdizzjonijiet kollha għandhomx biżżejjed saċerdoti u riżorsi biex ikollhom djoċesi organizzata u funzjonanti. Hemm xi djoċesijiet li jistgħu jingħaqdu flimkien. Dan mhux faċli iżda jista’jsir.