Il-Papa jikteb lil soru li għenet għadd ta’ nisa joħorġu mill-prostituzzjoni

Il-Papa Franġisku bagħat ittra lil soru Karmelitana tal-klawsura Suor Monica Astorga li għal 11-il sena ħadmet ma’ nisa transesswali u għinithom biex joħorġu mill-ħajja tal-prostituzzjoni u minn vizzjijiet oħra.
Fl-ittra l-Papa rringrazzjaha tal-ħidma tagħhom u qalilha li se jżomm viċin qalbu lis-sorijiet Karmelitani.
Il-Papa kitbilha li sar jaf li hija bniet 15-il dar għal nisa transesswali u dar oħra għall-anzjani. Huwa ħeġġiġha biex tkompli l-ħidma tagħha.
Suor Monica Astorga għandha 50 sena mwielda f’Buenos Aires, ta’ seba’ snin ħasset il-vokazzjoni reliġjuża minkejja l-oppożizzjoni tal-familjari tagħha.
Minkejja li ħadmet qatigħ biex tgħin lil dawn in-nisa hija qatt ma ħarġet mill-kunvent.
Suor Monica Astorga spjegat li kienet marret tfajla fil-kunvent u kienet qaltilha li taħdem ta’prostituta għax minħabba li hi transesswali ma tistax issib xogħol ieħor.
Żiedet tgħid li t-tfajla talbitha tgħinha biex toħroġ mill-ħajja tal-prostituzzjoni. Suor Monica staqsietha jekk hemmx oħrajn li jixtiequ joħorġu minn din il-ħajja u r-risposta tat-tifla kienet fl-affermattiv u qaltilha li hemm madwar 70.
Meta t-tfajliet marru għand is-soru, hija stidniethom biex jidħlu fil-Kappella jitolbu u jħallu lil Alla jidħol f’ħajjithom. Waħda minnhom staqsietha kif jistgħu jitolbu lil Alla meta huma ġew abbandunati mill-ġenituri tagħhom u l-qraba.
Suor Monica qaltilhom li jrid ikollhom l-fidi u staqsiethom xi jridu minn ħajjithom u x’inhuma l-ħolmiet tagħhom.
Bl-għajnuna tal-Caritas u nies oħra t-tfajliet fetħu ħwienet tax-xagħar u ċentri tal-ħjata.