Il-Papa jikkundanna l-korruzzjoni u l-inġustizzji li jsallbu d-dinjità

Il-Papa Franġisku stqarr li l-immigranti, il-foqra u l-emarġinati jaraw kuljum id-dinjità tagħhom imsallba, bl-inġustizzja u l-korruzzjoni.
Waqt il-Quddiesa tal-Vġili tal-Għid fi Pjazza San Pietru, il-Papa appella biex jibqgħu jħaddnu t-tama għal futur aħjar, bħalma jissimbolizza Kristu Rxoxt.
Franġisku rrimarka li kuljum naraw il-ħarsa ta’ miżerja fuq wiċċ in-nisa li wliedhom huma vittma tal-faqar, sfruttament jew inġustizzja.
Semma wkoll l-uċuħ ta’ dawk li ma jiġux rispettati għax huma immigranti, mhux stmati f’pajjiżhom, f’darhom jew fil-familja.
Il-Papa rrefera wkoll għal oħrajn li huma vittma ta’ burokroziji paralizzati u korruzzjoni ‘li jneżżgħuhom mid-drittijiet tagħhom’.
Appella lill-insara biex iwaqqgħu l-ħitan kollha li jżommuna maqfula f’pessimiżmu sterili u li jiżolawna mill-ħajja.
Il-qofol tal-omelija tal-bieraħ kienu ż-żewġ temi li ilhom jidwu tul l-erba’ snin tal-Papat ta’ Franġisku: attenzjoni għall-immigranti u kundanna għall-korruzzjoni.
Matul iċ-ċerimonja ġew mgħammda 11-il persuna, fosthom żewġt itfal u mara miċ-Ċina.