Il-Papa jikkundanna l-kolonalizzazzjoni ideoloġika

“Il-kolonalizzazzjoni ideoloġika hi forma ta’ persekuzzjoni li  tfiiitex li teqred il-passat, tħassar dak li jagħmel il-persuni differenti minn xulxin u timponi l-uniformita. Dawk li jmexxu strateġija “li tagħmel lil kulħadd l-istess u jħassru dak li hu differenti jkunu qed jikkommettu dnub kbir għax ikunu qed jidgħu b’Alla” għax iridu jibdlu l-mod kif hu ħalaq id-dinja”. Din id-dikjarazzjoni iebsa għamilha l-Papa Franġisku f’Omelija f’quddiesa li ċċelebra f’Santa Marta.
“L-unika mediċina kontra din il-marda hi li wieħed jagħti xiehda anke permezz tal-martirju”.
Il-Papa silet din ir-riflessjoni  mill-Qari tal-quddiesa tal-ġurnata meta Eleazar raġel xiħ u qaddis ipprefera li jkun torturat u maqtul għax kiser il-liġi tar-Re flok jikser il-liġi t’Alla. “Inħalli liż-żgħażagħ eżempju nobbli kif tagħti ħajtek bil-qalb u b’ġeneronżita għal-liġijiet qaddisa”, kien qal Eleazar.
“Dan il-martri u eroj”, qal il-Papa “għażel li jmut u jsir għerq ġdid li fil-futur  jagħti l-frott minflok l-għerq ħażin li jipproduċi kolonalizzazzjoni ideoloġika u kulturali perversa”, insista l-Papa.
Papa Franġisku reġa’ nsista li din hi forma ta’ persekuzzjoni li trid tiknes kull tradizzjoni, il-liġijiet, l-istorja, ir-reliġjon u anke lil Alla u toħloq kultura uniformi ġdida. “Tagħmel kollox u lil kulħadd l-istess u ma tittollerax differenzi”.
“Iżda ma hemmx għalfejn inħarsu fil-bogħod biex insibu xi eżempji ta’ dan.  Biżżejjed naraw il-ġenoċidji bl-iskop li joqtlu “lil min m’għandux demm pur. Filwaqt li l-kolonalizzazzjoni ideoloġika u kulturali tħares biss lejn il-preżent, tiċħad il-passat u ma tħarisx lejn il-futur, ma jfissirx li kull bidla hi ħażina. Inħarsu lejn il-Vanġelu u lejn Ġesu li huma dejjem ġodda”, qal il-Papa.
Hemm bżonn inkunu kapaċi niddixxerdnu dak li hu ġdid billi nistaqsu jekk hux ġej mill-Ispirtu s-Santu, minn Alla jew minn xi għerq pervers.  Dak li ġej minn Alla qatt ma hu riżultat ta’ xi negozjati jew ftehim. Dak li hu ġej minn Alla jħares lejn il-futur u jġib miegħu ħajja u frott, żied il-Papa.
Eleazar jurina li kien lest jiddjaloga ma’ dawk li ma jaqblux miegħu imma jagħti xiehda skont il-liġi t’Alla. Ejja naraw li l-eżempju tiegħu jgħinha f’mumenti, forsi ta’ konfużjoni, quddiem il-kolonalizzazzjoni ideoloġika u kulturali li qed tkun offruta lilna llum, qal Papa Franġisku.