Il-Papa jikkundanna “l-kampijiet tal-konċentrament” tal-immigranti fil-Libja

Read in English.

Il-Papa Franġisku kkumpara ċ-ċentri ta’ detenzjoni tal-immigranti fil-Libja ma’ kampijiet ta’ konċentrament. Hu qal li d-dinja kienet qed tingħata biss viżjoni ħafifa tal-ħajja miżera li r-residenti kienu qed jgħixu f’dawn iċ-ċentri.

Il-Papa, li fil-passat kien talab biex jingħalqu dawn iċ-ċentri, għamel dan il-kumment waqt l-omelija ta’ quddiesa li timmarka s-sebgħa anniversarju taż-żjara tiegħu lill-gżira Taljana ta’ Lampedusa. Lampedusa sservi bħala post fejn jiżbarkaw għexieren ta’ immigranti mill-Afrika ta’ Fuq li jaqsmu l-baħar Mediterran fi vjaġġ perikoluż, bit-tama li jaslu għal ħajja aħjar.

Hu semma kif jiftakar kif interpretu li għenu jikkomunika ma’ immigrant seba’ snin ilu taħ biss verżjoni qasira ta’ dak li verament kien qed jgħidlu l-immigrant. “Dan huwa dak li qed jiġri fil-Libja bħalissa. Qed ituna verżjonijiet qosra,” qal il-Papa Franġisku.

“Iva, hem mil-gwerra (fil-Libja) u nafu li dik hija kerha imma ma tistgħux timmaġinax l-infern li jgħixu fih il-persuni li qed jinżammu f’kamp ta’ konċentrament,” qal il-Papa. Hu uża l-kelma lager, li hija verżjoni mqassra tal-kelma Ġermaniża ‘Konzentrationslager’, li tfisser kampijiet ta’ konċentrament.

“Kull ma kellhom dawn il-persuni kienet it-tama li jaqsmu l-baħar,” qal il-Papa.

Eluf ta’ refuġjati u immigranti qed jinżammu f’madwar 20 ċentru fil-Libja, uħud ikkontrollati minn gruppi ta’ persuni armati. Intant hemm ukoll numru mhux magħruf ta’ ċentri li huma mmexxija minn traffikanti. Dan skont in-Nazzjonijiet Magħquda.

Gruppi għad-drittijiet umani jgħidu li l-abbuż f’dawn iċ-ċentri, inkluż swat, huma frekwenti. F’dawn iċ-ċentri Libjani hemm persuni li ħarbu bid-dgħajjes għall-Ewropa u kienu rritornati mill-gwardja tal-kosta Libjana bis-sapport tal-Unjoni Ewropea, skont il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati (UNHCR).