Il-Papa jikkundanna l-attakki fi Strasburgu u l-Brażil u joffri solidarjetà

Il-post tal-attakk fi Strasbourg li seħħ it-Tlieta filgħaxija.

F’telegramm mibgħut mill-Kardinal Pietro Parolin f’isem il-Papa Franġisku, lill-Arċisqof ta’ Strasburgu Luc Ravel, il-Papa offra talb għal dawk kollha milquta mill-attakk li seħħ fi Strasburgu nhar it-Tlieta filgħaxija li fih inqatlu tliet persuni u 13 oħra sfaw feruti, uħud minnhom gravi.

“Hu bi dwejjaq u nkwiet li l-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku sar jaf bl-attakk ta’ nhar it-Tlieta fil-għaxija fis-Suq tal-Milied fi Strasburgu. Għal darb’oħra l-Papa jikkundanna bil-qawwa kollha atti bħal dawn.”

Fil-messaġġ il-Papa assigura lil dawk kollha milquta mill-attakk u lill-familji tagħhom mit-talb tiegħu u b’ġest ta’ konsolazzjoni offra barka bl-abbundanza lill-vittmi u fuq dawk li qed jassistuhom u fuq il-poplu Franċiż kollu. “Filwaqt li nafdaw lill-mejtin fil-ħniena t’Alla l-Papa esprima ħsieb dwar il-professjonisti u l-voluntiera li qed jieħdu ħsieb lill-persuni feruti fl-attakk.

Fl-istess jum, f’telegramm ieħor, il-Papa poġġa fil-ħniena t’Alla lill-vittmi tal-massakru li seħħ nhar it-Tlieta wkoll fil-Katidral ta’ Campinas fil-Brażil.

“Il-Papa Franġisku jiddispjaċih immens għall-attakk li sar waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa fil-katidral tal-arċidjoċesi ta’ Campinas”, jgħid il-messaġġ mibgħut f’isem il-Papa mill-Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan.

Il-Qdusija Tiegħu jafda lill-vittmi ta’ dan il-massakru fil-ħniena t’Alla u jħossu qrib u joffri konfort spiritwali lill-familji li tilfu lil xi ħadd għażiż u lill-insara kollha tad-djoċesi.  Il-Papa talab għal fejqan ta’ malajr għall-midruba u talab lil kulħadd li f’dan il-mument ta’ tbatija, jistrieħ fi Kristu Rxoxt u jitlob li f’dan il-mument ta’ prova il-maħfra u l-imħabba jirbħu fuq il-mibegħda u l-vendetta.

F’dan il-massakru mwettaq minn Euler Fernando Grandolpho, raġel ta’ 49 sena isofri minn problemi ta’ dipressjoni, nqatlu ħames persuni. Fi tmiem il-quddiesa ta’ nofsinhar, dan daħal fil-katidral armat b’armi tan-nar, qatel ħames persuni, fiera tlieta oħra u mbagħad qatel lilu nnifsu f’riġlejn l-artal maġġur.

Wara ġurnata magħluq il-katidral reġa’ fetaħ il-bieraħ fejn saret quddiesa b’suffraġju għall-vittmi tal-massakru bil-presbiterju mimli fjuri.