Il-Papa jikkundanna l-anti-semitiżmu u jappella għall-inklużjoni u l-viċinanza

Papa Franħisku meta zar il-kamp tal-konċentrament ta' Auschwitz © Vatican Media

“Dan l-aħħar erġajna assistejna għal atti barbariċi ta’ anti-semitiżmu”.  Il-Papa Frannġisku ikkundanna dan f’laqgħa li kellu nhar it-Tnejn li għadda fil-Vatikan, ma’ delegazzjoni miċ-Ċentru Simon Wiesenthal, li hu grupp ta’ riċerka dwar id-drittijiet umani .

Fil-laqgħa li saret ġimgħa qabel il-75 anniversarju tal-Liberazzjoni tal-Kamp tal-Konċentrament ta’ Auschwitz, appella lid-dinja biex qatt ma tibqa’  indifferenti jew tkun kompliċi fl-anti-semitiżmu filwaqt li ħeġġeġ lil-Lhud u l-insara biex jaħdmu flimkien.

Huwa qal li d-Dikjarazzjoni “Nostra Aetate”, tinsisti li aħna l-insara u l-Lhud għandna wirt spiritwali komuni kbir, li rridu niskopruh u npoħħuh għas-servizz ta’ kulħadd.”

“Inħoss li llum, b’mod partikolari aħna msejħa għal dan is-servizz: mhux biex nitbiegħdu minn xulxin jew neskludu imma biex nersqu aktar qrib xulxin u ninkludu; mhux biex nisfurzaw soluzzjonijiet, imma biex infittxu toroq li jqarrbuna”.

“Jekk dan ma nagħmluhx aħna, li nemmnu li nemmnu li mill-għoli tas-smewwiet Hu jiftakar fina u jgħożż ma’ qalbu d-debulizzi tagħna, min se jagħmlu?”, staqsa l-Papa.

Il-Qdusija Tiegħu lmenta dwar kemm hu ta’ nkwiet li madwar id-dinja tara jikber l-egoiżmu u l-indifferenza, ma nagħtux każ tal-oħrajn u l-attitudni li “il-ħajja OK sakemm hi tajba għalija”, u meta l-affarijiet imorru ħażin ninfexxu f’rabja u ħażen.

“Dan joħloq art fertili għall-fazzjonijiet u l-populiżmu li qed naraw madwarna fejn il-mibegħda tikber u tinxtered”.

Il-Papa qal li hu “urġenti li nintegraw lil dawk li huma emarġinati, biex nilħqu lil dawk li huma mbiegħda, li ngħinu lil dawk li huma mwarrba għax m’għandhomx mezzi u flus u ngħinu lil dawk li huma vittmi tal-intolleranza u d-diskriminazzjoni”.

Papa Franġisku temm l-indirizz tiegħu billi rringrazzja lil dan il-grupp għall-impenn tiegħu u nkoraġġihom biex ikabbru l-kollaborazzjoni tagħhom biex jiddefendu lil dawk dgħajfin. “Nitolbu ‘l Alla jgħinna biex nirrispettaw lil xulxin u nħobbu lil xulxin aktar u nagħmlu mid-dinja post aħjar billi nxerrdu ż-żerriegħa tal-paċi. Shalom!”.