Il-Papa jikkundanna l-kiritika inġusta tal-midja fuq l-immigranti

Il-Papa Franġisku kkundanna dawk il-gazzetti u l-mezzi tax-xandir li bil-kitba tagħhom jikkritikaw b'mod inġust lill-immigranti. 
F’dawn l-aħħar jiem il-gazzetti Taljani kienu mimlija b’rapporti kontra l-immigranti wara li żewġ immigranti qed ikunu akkużati bi qtil ta’ tfajla ta’ 18-il sena f’Macerata.
Ftit xhur ilu, rajt rapport f’gazzetta dwar belt żgħir fl-Italja li kien jgħid fost affarijiet oħra: '…f’din il-belt kien hemm l-akbar numru ta’ stupri din is-sena u 40% ta’ dawk li wettquhomm kienu emigranti', qal il-Papa.
Hu sostna li dan hu mod kif wieħed jiddenigra u jbaxxi lill-emigranti. Qal li meta qara dak it-titlu fil-gazzetta staqsa lilu nnifsu: “Allura s-60% l-oħra x’inhuma? Taljani?”
Il-Papa qal li dan hu l-mod kif wieħed jippreżenta l-affarijiet li jibdlu l-verità. 
Il-kwestjoni tal-immigranti fl-Italja bħalissa hi waħda taħraq ħafna għax il-pajjiż għadu xxukkjat bil-qtil tat-tfajla f’Macerata li l-ġisem tagħna nstab imqatta’ biċċiet  u li dwaru kienu qed jinżammu mill-Pulizija tliet Niġerjani li wieħed minnhom inħeles.
Wara dan il-qtil, raġel tal-lemin estrem spara u kkaġuna feriti – uħud gravi – fuq sitt Afrikani f’dak li qed jitqies bħala attakk motivat mir-razziżmu.
Fl-Italja, fejn se ssir elezzjoni ġenerali fil-bidu ta’ Marzu, l-immigrazzjoni hi suġġett dominanti fil-kampanja elettorali li għaddejja.