Il-Papa jikkundanna dinja li hi “f’sakra ta’ konsumeriżmu”

Lill-10,000 persuna li nġabru fil-Bażilka ta’ San Pietru fil-Vatikan għall-quddiesa ta’ bil-lejl, il-Papa Franġisku qalilhom biex ma jeżaġerawx f’soċjetà li tinsab f’sakra ta’ konsumeriżmu u edoniżmu.
“F’soċjetà li spiss tisker fil-konsumeriżmu u l-edoniżmu, il-ġid u l-estravaganza, fl-apparenza u fin-narċissiżmu, din it-tarbija ssejħilna biex ma neżaġerawx, imma nkunu sempliċi, bilanċjati, konsistenti u kapaċi naraw u nagħmlu dak li hu essenzjali”, qal il-Papa.
“F’dinja li spiss hi bla ħniena mal-midneb u laxka mad-dnub, irridu nikkultivaw sens qawwi ta’ ġustizzja u dixxerniment u nwettqu r-rieda t’Alla. F’din il-kultura ta’ indifferenza li mhux rari ssir bla qalb, l-istil tal-ħajja tagħna għandu jkun mimli kumpassjoni, empatija u ħniena li niksbuhom kuljum permezz tat-talb”.
Il-Papa żied jgħid: “Bħar-rgħajja ta’ Betlehem, ejja aħna wkoll b’għajnejna mimlija stagħġib inħarsu lejn Ġesà Tarbija, Iben Alla, u fil-preżenza tiegħu minn qalbna nitolbuh “Urina O Alla l-ħniena Tiegħek u agħtina s-Salvazzjoni Tiegħek”.
Papa Franġisku ħeġġeġ lill-Kattoliċi biex iżommu l-kelma t’Alla f’qalbhom. “Jekk niħduh f’idejna u nħalluh jgħannaqna miegħu, iġibilna paċi f’qalbna li ma tintemm qatt. Din it-tarbija tgħallimna dak li hu veramenet essenzjali għal ħajjitna. Hu twieled fil-faqar tad-dinja: ma kien hemm ebda kamra fil-lukandi għalih u għall-familja tiegħu”.
“Hu sab kenn u appoġġ fi stalla u tpoġġa f’maxtura tal-annimali. U minkejja dan, mix-xejn tiegħu, id-dawl tal-glorja t’Alla jiddi fuq kulħadd. Minn issa 'l quddiem it-triq tal-liberazzjoni awtentika u r-redenzjoni ta’ dejjem hi miftuħa għal kull raġel u mara li huma sempliċi f’qalbhom”, kompla jgħid Papa Franġisku.