Il-Papa jikkundanna bil-qawwa kollha l-vjolenza fuq in-nisa

Waqt ċelebrazzjoni Marjana dedikata lill-Madonna tal-Bieb li saret fi Trujillo lbieraħ filgħaxija, il-Papa Franġisku kkundanna bil-qawwa kollha l-vjolenza fuq in-nisa u fakkar lin-nies li l-Verġni Marija qatt ma tabbanduna lil uliedha.
Hu qal li l-vjolenza fuq in-nisa hi pjaga li laqtet il-kontinent Amerikan. “Nappellalkom biex tiġġieldu kontra din is-sors ta’ sofferenza billi jkollna liġijiet u nibnu kultura li tirrofta kull forma ta’ vjolenza”.
Il-Papa qal li kien hemm ħafna każi fejn nisa sfaw maqtula, imma din it-tip ta’ vjolenza tinżamm moħbija bejn erba’ ħitan.
Hu qal li l-poplu tal-Perù għandu dejjem jiftakar li l-Madonna hi Omm li qatt ma tabbanduna lil uliedha. “Il-Madonna tkompli tiddefendina u turina l-bieb li jiftħilna t-triq għal ħajja awtentika u għall-ħajja li ma tgħaddix”.
Franġisku tkellem dwar id-diversi titli li nagħtu lill-Madonna omm Ġesù.
Kull komunità fil-Perù għandha devozzjoni partikolari lejn il-Madonna li jagħtuha diversi ismijiet. “Dawk it-titli huma x-xewqa ta’ Alla li jkun qrib kull qalb, biex l-imħabba tiegħu nitkellmuha bid-djalett ta’ kulħadd’.  Hu qal li dan juri kemm Alla hu attent u “jfittex l-aħjar mod biex jersaq lejn kull pesuna biex huma jkunu jistgħu jirċevuh”.
“Dawn ix-xbihat kollha jfakkruna fl-imħabba kbira li biha Alla jridu ikun qrib kull raħal u kull familja, qrib tiegħek u tiegħi, qrib kulħadd”.