Il-Papa jikkonsagra d-Dinja lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija

Illum fil-Vatikan u madwar id-Dinja kienet iċċelebrata l-Ġurnata Marjana fl-okkażjoni tas-Sena tal-Fidi.

Dalgħodu fi Pjazza San Pietru, l-Papa Franġisku mexxa quddiesa solenni li għaliha attendew eluf kbar ta’ pellegrini u devoti minn mijiet ta’ Santwarji Marjani madwar id-Dinja.

Waqt l-omelija l-Papa Franġisku ddeskriva lill-Madonna bħala waħda mill-meravilji li Alla ħalaq. Il-Papa stieden lill-insara kollha biex jagħmlu l-istess esperjenza ta’ Alla li għamlet Marija, jiġifieri ta’ Alla li jissorprendina, Alla li jistedinna u Alla l-qawwa tagħna.

Il-Papa Franġisku saħaq li huwa propju fil-faqar u fl-umilta’ li Alla jagħtina l-qawwa u s-saħħa, l-istess kif għamel ma’ Marija. Il-messaġġ tal-anġlu ħasadha, imma hi ntelqet fir-Rieda ta’ Alla.  Alla għażel lil din it-tfajla umli u sempliċi u li kienet lesta tiftaħ qalbha għal Alla anke meta ma fehmitx.  Huwa appella lill-Insara biex ma jibżgħux minn dak li Alla jista’ jitlob minnhom.

Franġisku saħaq li Alla huwa dejjem fidil lejn il-bniedem u ma jgħejja qatt juri ħniena miegħu anke meta l-bniedem ma jkunx fidil lejh, anzi dejjem lest biex jilqgħu lura. Saħaq li l-bniedem għandu jitgħallem minn dan u speċjalment fil-familji hemm bżonn li jintużaw iktar żewġ kelmiet importanti li huma “grazzi u skużani.”

Intant fl-aħħar tal-Quddiesa, ċ-ċelebrazzjonijiet laħqu l-qofol tagħhom. Dan hekk kif il-Papa Franġisku, b’leħen kommoss u bilmod, qara t-talba li biha ikkonsagra l-Umanita’ lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.

It-talba għamilha quddiem ix-xbieha tal-Madonna ta’ Fatima li nġabet apposta mis-Santwarju tagħha fil-Portugal fuq talba tal-Papa stess.