Il-Papa jikkompeti ma’ Drake, Bill Gates u Donald Trump

Il-Papa Franġisku qabeż it-12-il miljun segwaċi fuq il-kont bl-Ingliż ta’ Twitter u b’kollox, fuq id-disà kontijiet b’lingwi differenti, għandu aktar minn 36 miljun follower.
Dan ifisser li l-Papa Franġisku huwa l-iżjed mexxej dinji u mexxej reliġjuż li għandu segwaċi fuq Twitter.
Dan in-numru ta’ segwaċi jpoġġi lill-Papa Franġisku fost it-30 persuna l-aktar segwiti fuq Twitter, jikkompeti mar-rapper internazzjonali Drake u ftit inqas minn Bill Gates.
Skont analisti ta’ Twiplomacy, grupp li jimmoniterja l-użu tal-midja soċjali tal-mexxejja dinjija u reliġjużi (eskużi ċ-ċelebritajiet u l-atleti), il-Papa Franġisku qiegħed fuq nett tal-lista, għalkemm il-President Amerikan Donald Trump qed jikkompetilu.
Trump għandu total ta’ 35.2 miljun follower.
Donald Trump huwa magħruf għat-tweets aggressivi tiegħu. Il-Papa Franġisku juża Twitter ħafna inqas minn Trump u t-tema tat-Tweets huma spiritwali.
Dan ma jfissirx li minn żmien għal żmien il-Papa ma jidħolx ukoll f’dibattiti jaħarqu.
Fit-30 ta’ Ġunju li għadda, il-Papa Franġisku kiteb fuq il-każ Charlie Gard, fejn wera s-sapport tiegħu għall-familja tat-tarbija li kienet qed tiġġieled deċiżjoni tal-Qorti li ppermetietx trattament esperimentali fuq it-tarbija li kienet qed tbati minn kundizzjoni rari ħafna.