Il-Papa jifraħ f’egħluq sninu lil “missier it-teoloġija tal-liberazzjoni”

Il-Papa Franġisku bagħat jifraħ lid-Dumnikan Fr. Gustavo Gutierrez, magħruf bħala “missier it-teoloġija tal-liberazzjoni” fl-okkażżjoni ta’ egħluq id-90 sena tiegħu filwaqt li rringrazzjah għall-kontribut tiegħu  lil-Knisja Kattolika u l-imħabba tiegħu lejn il-fqar.
“Grazzi għall-isforzi tiegħek u għal mod kif sfidajt il-kuxjenza tagħna lkoll biex ħadd ma’ jibqa’ indifferenti għat-traġedja tal-faqar u l-esklużjoni” kitiblu l-Papa.
Fr Gutierrez, mill-Perù hu wieħed mill-fundaturi ewelnin tat-teoloġija tal-liberazzjoni li ħadet importanza fl-Amerika t’Isfel fis-snin 60 u 70 bħala risposta għall-ħtiġijiet tal-foqra fl-Amerika Latina u sejħa għall-ħelsien minn strutturi soċjali inġusti.
Fis-snin 90, il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi li kienet immexxija minn dak li mbagħad sar Papa Benedittu XVI kienet uriet xi tħassib dwar aspetti tat-teoloġija tal-liberazzjoni għax intqal li dawn kienu politiċizzati u jistrieħu fuq ideat Marxisti. Madankollu  kien faħħar iż-żelu li din it-teoloġija kellha għall-ġustizzja soċjali u l-faqar. Il-Papa Franġisku kompla fejn ħalla Benedittu XVI fejn ma qabilx mal-politiċiżazzjoni tal-moviment imma qabel ħafna mat-tħassib dwar il-faqar.
Fl-ittra ta’ awguri tiegħu il-Papa Franġisku rringrazzja lil Fr Gutierreż għall-kontribut tiegħu “lill-Knisja u lill-umanità permezz tas-servizz teoloġiku tiegħek u l-imħabba għall-fqar u l-imwarrba mis-soċjetà. Ninkoraġġik biex tkompli bit-talb u s-servizz tiegħek għall-oħrajn u tagħti xiehda għall-ferħ tal-Evanġelju.”