Il-Papa jiffirma l-Enċiklika “Fratelli tutti” fuq il-qabar ta’ San Franġisk t’Assisi

Vatican News

Read in English.

Il-Papa Franġisku żar Assisi lllum għall-ħames darba fil-pontifikat tiegħu. Hemm hu ffirma l-Enċiklika l-ġdida bl-isem ta’ “Fratelli tutti”, jiġifieri “kollha aħwa”, quddiem il-qabar ta’ San Franġisk t’Assisi wara li ċċelebra l-quddiesa.

Vatican News irrapporta kif l-Enċiklika fuq il-fraternità u l-ħbiberija soċjali kienet ispirata minn San Franġisk, bħalma kienet it-tieni Enċiklika tal-Papa “Laudato si” li kienet tiffoka fuq li nieħdu ħsieb id-dar komuni. Din kienet ippubblikata ħames snin ilu.

Il-Papa vjaġġa lejn Assisi bil-karozza. Fit-triq hu żaw il-monasteru ta’ Vallegloria fi Spello. Mal-wasla tiegħu f’Assisi, il-Papa żar ukoll il-proto-monasteru ta’ Santa Klara u hemm iltaqa’ mas-sorijiet ta’ Santa Klara.

Wara l-quddiesa tiegħu f’Assisi, il-Papa Franġisku stieden lil Mons. Paolo Braida biex iġib il-kopju tal-Enċiklika biex ikunu ffirmati. Hu mbagħad spjega li Mons. Braida jieħu ħsieb it-traduzzjonijiet għall-Ewwel Sezzjoni fis-Segreterija tal-Istat li ħadmet fuq l-Enċiklika. “Hu jieħu ħsieb kollox…b’hekk ridt li jkun preżenti hawn illum u li jkun hu li jippreżentali l-Enċiklika,” qal il-Papa.

Hu introduċa wkoll żewġ qassisin li ħadmu fuq l-Ewwel Sezzjoni. Dun Antonio li traduċa l-Enċiklika bil-Portugiż mill-Ispanjol u Dun Cruz li kkordina t-traduzzjonijiet kollha mil-lingwa oriġinali li hija l-Ispanjol.

Fi tmiem il-quddiesa, il-Papa Franġisku żar il-komunità Franġiskna fil-monasteru Sacro Convento li hemm maġenb il-bażilika.