Il-Papa jiekol mal-foqra ta’ Ruma

Pope Francis

Il-Kardinal Konrad Krajewski li għadu kif sar Kardinal u qabel kien il-persuna responsabbli biex jgħin lill-foqra f’isem il-Papa, biex jiċċelebra dan l-avveniment stieden madwar 280 persuna minn fost il-foqra ta’ Ruma flimkien ma’ xi familjari tiegħu, għal ikla fil-Vatikan. Iżda kulħadd ħa sorpriża kbira meta għal għarrieda tfaċċa fis-sala tal-ikel il-Papa Franġisku li poġġa bilqiegħda jiekol mal-fqar.

Il-Papa fil-fatt għadda xi sagħtejn fost il-foqra, jiekol magħhom u jisma’ l-istejjer tagħhom ħafna minnhom ta’ qsim il-qalb. Fuq il-mejda mal-Papa kien hemm numru ta’ refuġjati Sirjani li waslu Ruma permezz tal-Fondazzjoni Sant’ Egidio. Wieħed minnhom qal lill-Papa li issa qed jaħdem u integra sew mal-komunità f’Ruma.

Il-Papa nstema’ jgħid li f’dawn l-aħħar xhur kemm-il darba ltaqa’ ma’ refuġjati mil-Libanu u dak li laqtu l-aktar kien kif it-tfal kienu l-ewwel li tgħallmu t-Taljan. Il-Papa jqis l-integrazzjoni tar-refuġjati bħala xi ħaġa fundamentali. Emigranti bla xogħol ma jistgħux jintegraw għax għad m’għandhomx futur.

Il-Papa kien introdott ma’ wħud minn dawk li jorqdu barra fi Pjazza San Pietru għax m’għandhomx saqaf fuq rashom. Il-Papa jqis lil dawn bħala ġirien tiegħu filwaqt li l-Kardinal Krajewski spjegalu li dawn jikkollaboraw ħafna mal-uffiċċju tiegħu speċjalment biex jorganizzaw il-funeral meta jmur xi wieħed minnhom.

Il-Papa kien ferħan ħafna b’numru ta’ tfal madwaru fosthom tarbija Sirjana ta’ ftit xhur li tgħammdet xi jiem qabel.