Il-Papa se jaqbeż l-irtir tar-Randan għax ma jiflaħx

Aġġornat 01:43 PM
REUTERS

Read in English.

Il-Papa Franġisku deher fil-pubbliku għall-ewwel darba f’erbat ijiem illum, wara li kien ma jiflaħx, iżda ħabbar li din is-sena se jkollu jaqbeż irtir annwali tar-Randan.

Il-Vatikan qal li l-Papa kien “kemxejn indispost,” u b’hekk kellu jħassar l-udjenza ġenerali u xi attivitajiet oħra. Huwa kompla bil-laqgħat mir-residenza tiegħu f’Santa Marta.

L-aħħar li deher qabel illum kien fil-quddiesa ta’ Ras ir-Randan, meta deher jisgħol u nstema’ maħnuq.

Illum, il-Papa, li għandu 83 sena, indirizza lil eluf ta’ nies miġburin fi Pjazza San Pietru mit-tieqa tal-Palazz Appostoliku tal-Vatikan, biex jagħti l-messaġġ tiegħu ta’ nofsinhar u l-barka. Huwa sikwit beda jisgħol u deher li kellu mnieħu misdud.

Il-Vatikan ma speċifikax x’kellu l-Papa, iżda n-nies tħassbu minħabba li l-Italja nħakmet mill-coronavirus din il-ġimgħa. Il-kelliem għall-Vatikan Matteo Bruni qal li l-Papa ma kien xejn ħlief ftit ma jiflaħx.

Il-Papa ħabbar li għall-ewwel darba minn mindu laħaq Papa, se jkollu jaqbeż irtir spiritwali li jattendi ta’ kull sena flimkien ma’ uffiċjali tal-Vatikan, minħabba r-riħ li għandu. Sal-bieraħ filgħaxija kien għadu beħsiebu jmur, iżda llum qal li mhux se jattendi. L-irtir kellu jibda llum waranofsinhar fin-Nofsinhar tal-Italja. Il-Papa Franġisku qal li ħa jsegwi l-meditazzjonijiet mill-Vatikan.